Lejlet li l-Unjoni Ewropea tfakkar is-sittin sena mill-bidu tagħha, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.
F’diskors lil dawn il-mexxejja l-Papa enfasizza kif l-Unjoni Ewropea kienet komunita ekonomika Ewropea, iżda l-ewwel u qabel kollox hija unjoni bbażata fuq l-umanità.
Għal darba’oħra, il-kelma solidarjetà kienet il-protagonista fid-diskors bħala bażi ta’ dak li ġenerazzjoni oħra, fl-elf disgħa mija sebgħa u ħamsin, riedet tibni. It-twelid tal-kunċett ta’ Ewropa miftuħa u magħquda għaċ-ċittadini tad-Dinja.
Il-Papa wissa lill-mexxeja f’dan il-kapitlu ġdid li trid twelled l-Unjoni Ewropa, li Ewropa magħquda tkun riżultat ta’ prinċipju maħsub tajjeb mill-mexxeja, li tħares ‘il quddiem u li twiegħed ħajja aħjar għaż-żgħażagħ ewropej li wara kollox, huma l-futur tal-Istati Membri kollha. Kollha huma parteċipi f’dan il-għan komuni.
Kienu imfakkra il-bidliet bla preċedent li ħakmu lill-Ewropa fl-aħħar sittin sena, u li bħalissa il-frażi ‘kriżi’ qed tiddomina l-komunita kontemporanja, bħal kriżi ekonomika, dik tal-familja u mudelli soċjali, dik tal-istituzzjoni u tal-immigranti li kollha jitfgħu dawl fuq l-umanita. Iżda il-kelma kriżi ma għandiex tfisser biss mument diffiċli għall-Unjoni Ewropea.
Din tista tfisser li wieħed jinvestiga u jiġġudika s-sitwazzjoni attwali biex minn żmien ta’ sfidi toħroġ opportunita.
It-tama għall-Ewropa tal-lum u ta’ għada hija fil-pilastri u fil-mexxeja tagħha, jħid il-Papa. Iċ-ċentralita tal-bniedem, ftuħ għad-dinja, li jsegwu l-paċi fil-futur, l-għaqda. Dawn huma l-ingredjenti għat-tama. U dan huwa d-dmir tal-mexxeja Ewropej biex ikun hemm triq twila u li tħalli l-frott.