L-Erbgħa filgħodu Pjazza San Pietru fil-Vatikan rat eluf ta’ nies li nġabru apposta sabiex jisimgħu l-messaġġ tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fl-ewwel udejnza ġenerali fuq barra wara sentejn iddominati minn pandemija.
L-Udjenzi Papali jsiru kull nhar ta’ Erbgħa sabiex mill-qrib il-Papa jagħti l-ħsibijiet tiegħu dwar l-iskrittura u anke jwassal messaġġi profondi dwar temi differenti.
Il-Papa, bħalma għamel f’udjenzi fil-passat fuq barra, l-Erbgħa deher dieħel fi Pjazza Vatikan bil-Pope Mobil u jsellem lil dawk preżenti.
Fid-diskors tiegħu s-Suċċessur ta’ Pietru tkellem dwar l-anzjani u kif dawn għandhom jiġu rispettati u fuq kollox, maħbuba.
Hawnhekk huwa appella wkoll sabiex l-awtoritajiet jaraw li joffru appoġġ soċjali lil dawk fil-bżonn u fl-istess ħin joffru edukazzjoni xierqa lill-ġenerazzjonijiet żgħar.
L-imħabba wkoll kienet tema li l-Isqof ta’ Ruma tkellem fuqha l-Erbgħa filgħodu, li dwarha qara wkoll versi mill-Bibbja.
Minn din il-ġimgħa ’l quddiem il-Vatikan qed jistenna li jkompli jara influss akbar ta’ pellegrini u viżitaturi fil-Pjazza prinċipali għall-Udjenza tal-Papa.