Papa Franġisku wassal il-messaġġ tradizzjonali tal-Urbi et Orbi mill-gallarija ewlenija tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, f’jum l-akbar festa liturġika tal-Kattoliċi.
Quddiem eluf ta’ persuna li mlew Pjazza San Pietru, Papa Franġisku awgura l-Għid it-tajjeb lil kulħadd.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Knisja Kattolika tratta diversi realtajiet li qed jiddominaw madwar id-dinja partikolarment, il-kunflitti mdemmija fl-Ukrajna u f’Gaza.
Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, Papa Franġisku tenna t-tama tiegħu li jkun hemm skambju tal-priġunieri kollha bejn iż-żewġ naħat.
Madankollu l-messaġġ ta’ Papa Franġisku ffoka b’mod partikolari fuq dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani hekk kif irrimarka l-importanza li jkun hemm l-aċċess għall-għajnuna umanitarja. Dan filwaqt li jiġu rilaxxati l-ostaġġi li nħatfu lura fis-7 ta’ Ottubru u li jkun hemm waqfien immedjat mill-ġlied fl-istrippa ta’ Gaza.
Hawn Papa Franġisku rrimarka b’mod partikolari t-tbatija li qed jgħaddu minnha t-tfal li huma esposti għal dan il-kunflitt.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika rrimarka wkoll kif fi gwerra ma hemm qatt rebbieħa iżda telliefa biss u ddeskriviha bħala assurdità. Irrimarka wkoll li l-awtoritajiet għanhom iżommu l-bogħod mil-loġika tal-armi hekk kif tenna li l-paċi qatt ma tista’ tinkiseb bl-armamenti.
Intant, Papa Franġisku tkellem ukoll dwar dak li qed jiġri fis-Sirja u l-Lebanon. Dwar is-Sirja sostna li hawn il-pajjiż ilu jsofri għal erbatax-il sena u sofra minn gwerra twila u devastanti.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa talab ukoll għall-poplu tal-Haiti sabiex jkun hemm tmiem għall-atti vjolenti u t-tixrid tad-demm. Dan biex b’hekk tkun tista’ timxi lejn id-demokrazija.
Filwaqt li rrimarka sitwazzjonijiet diffiċli wkoll ta’ immigranti anke permezz ta’ abbużi ta’ traffikar uman, Papa Franġisku temm il-messaġġ tiegħu billi sostna l-importanza li jkun hemm ħidma mingħajr waqfien biex dawn ir-realtajiet koroħ jieqfu