Papa Franġisku lbieraħ għamel żjara oħra ta’ sorpriża fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn reġa’ waqaf għal ftit minuti jitlob fuq il-qabar ta’ San Piju X bħal ma għamel il-Ħadd ta’ qabel. Papa Franġisku dejjem esprima li kellu rabta spiritwali qawwija ma’ dan l-eks Papa llum qaddis.
Għalkemm iż-żjara ma kinitx waħda mistennija u qasira, l-aħbar tal-preżenza tiegħu malajr infirxet u kienu bosta l-fidili li nġabru madwaru sabiex isellmulu. Fosthom diversi ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu fil-bażilika fuq xogħol ta’ restawrazzjoni u huma wkoll kellhom iċ-ċans jeħdulu b’idejh.
Interessanti kien il-fatt li l-Papa ma kienx libes il-ħwejjeġ tradizzjonali papali iżda kellu qalziet iswed u flokk bil-kmiem twal abjad b’kutra irrigata mdawwra ma’ spallejh. Taħt imnieħru kellu wkoll pajp tal-ossiġnu.
Huwa kien bilqiegħda fis-siġġu tar-roti u għalkemm ma tkellimx, bil-ġesti wera l-apprezzament u l-affett tiegħu lejn dawk kollha li sellmulu.