Il-Papa Franġisku appella għat-talb b’risq il-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI hekk kif żvela li dan ma jiflaħx ħafna.
Il-Papa attwali qal dan fl-udjenza tiegħu l-Erbgħa, fejn qal li qiegħed jitlob għall-Papa Emeritu.
Huwa talab ukoll biex kulħadd iżomm lil Papa Benedittu XVI fi ħsibijietu.
Wara l-udjenza li kellu, il-Papa Franġisku mar iżuru fil-Monasteru Mater Ecclsiae, fejn ilu jgħix sa minn mindu rriżenja lura fl-2013.
Saħansitra l-Vatikan stqarr li s-saħħa tal-Papa Emeritu marret għall-agħar fl-aħħar sigħat. Kelliem għall-Vatikan sostna li saħħet Papa Benedittu sittax marret lura minħabba l-età li għandu. Huwa sostna wkoll li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u l-Papa Emeritu qed jiġi segwit b’mod kontinwu mit-tobba.
Il-Papa Benedittu XVI għandu 95 sena u ismu propju huwa Joseph Aloisius Ratzinger. Huwa twieled nhar is-16 t’ April tal-1927, fil-belt Ġermaniża ta’ Bavaria.
Benedittu XVI kien l-ewwel Papa f’sitt mitt sena li rriżenja tul ħajtu minflok baqa’ il-Mexxej tal-Knisja Kattolika sa mewtu kif sar fil-maġġoranza tal-każijiet.
Tul żmienu bħala Papa, Benedittu XVI baqa’ mfakkar fost oħrajn għall-mod ta’ kif bidel il-proċess tal-elezzjonijiet papali u reġa’ daħħal mill-ġdid il-prassi li papa jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jiġi magħżul.
Fl-2007, hu approva wkoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali tat-Teoloġija, li kkonkluda deċiżjonijiet differenti dwar il-limbu, u trabi mhux mgħammda.
Fis-sbatax t’ April, fis-sena 2010, Papa Benedittu XVI żar pajjiżna. Din kienet it-tielet żjara Papali f’pajjiżna wara li l-Papa Ġwanni Pawlu t-tieni żar pajjiżna fl-1990 u l-2001.
Iż-żjara ta’ Papa Benedittu XVI f’pajjiżna kienet waħda qasira hekk damet biss madwar 26 siegħa. Fost oħrajn hawnhekk huwa kien iltaqa’ mal-vittmi ta’ abbuz minn membri tal-kleru.
B’rabta ma’ pajjiżna wkoll, Papa Benedittu XVI kien ikkanonizza lil Dun Ġorg Preca bħala l-ewwel qaddis Malti fl-istorja ta’ kwazi elfejn sena ta’ Kristjaneżmu f’Malta.
Intant, għadu mhux magħruf xi preparamenti hemm f’każ li jmut il-Papa Emeritu. Dan hekk kif ma’ mewtu mhux se jkun hemm sede vacante fil-Vatikan għall-kuntrarju tal-aħħar mwiet ta’ papiet differenti.
Din l-inċertezza qed toħloq ukoll mistoqsijiet dwar il-funeral tal-Papa Emeritu f’każ li jkollu jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem.