Id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, ġie mitlub jestendi xi servizzi għaċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali f’Raħal Ġdid, biex ġaladarba jitlesta x-xogħol fuqu u jibda jilqa’ l-pazjenti, ikollu Dipartiment tal-Emerġenza wkoll.
Dan mhux biss itaffi l-pressjoni minn fuq id-dipartiment prinċipali f’Mater Dei, imma jaqdi wkoll lill-pazjenti b’aktar effiċjenza u kumdità eqreb ta’ fejn jgħixu.
Fil-parti tal-binja li se tkun qed tintuża bħala Emerġenza, iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, Patrick Farrugia spjega kif ġaladarba jitlesta dan il-proġett, se jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa f’Raħal Ġdid biex jiġu assessjati każijiet ta’ emerġenza li jkollhom bżonn kura aktar urġenti.
Qal, “Saru diskussjonijiet u ppjanar bejn il-kliniċi tal-Paola Hub u l-awtoritajiet tas-Saħħa kif ukoll Mater Dei biex inżidu s-servizzi u r-riżorsi umani fil-Paola Hub biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati każijiet ta’ emerġenza lil hinn minn Mater Dei.”
Dawn id-dettalji ngħataw fi żjara fuq il-lant tax-xogħol mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne.
Fuq barra tal-binja, it-tabib ewlieni tal-Gvern, Walter Busuttil, spjega kif il-Paola Hub se jilqa’ taħt saqaf wieħed aktar minn ħamsa u għoxrin servizz mediku, fosthom anki operazzjonijiet u interventi kirurġiċi minuri.
L-iskop prinċipali hu li l-pazjenti ġejjin min-naħa t’isfel ta’ Malta jingħataw servizzi mediċi b’aktar effiċjenza; mhux biss fejn tidħol il-kura primarja imma f’ċertu każijiet anki servizzi li s’issa jingħataw fl-Isptar Mater Dei biss.
Qal, “Il-vantaġġ li tinbena binja ġdida huwa li s-servizzi jkunu magħmulin b’mod li jkunu jaqblu ma’ dak li jkun rikjest mill-kliniku jiġifieri aħna jekk kellna bżonn theatre, ikun ippjanat u jmur f’post allokat għalih, jekk kellna bżonn x-ray machine, ħa jkollna post allokat għaliha, u dawn kollha flimkien ma’ echo machine, ħa jkollna wkoll sistema fejn aħna ħa jkollna emerġenza wkoll ġo dan il-Unit fejn aħna nkunu nistgħu naraw il-pazjenti li jkunu ġejjin minn din l-area.”
Din il-binja, li se tissemma għat-tabib Ċensu Moran, hija mifruxa fuq erbgħin tomna ta’ art u x-xogħlijiet fuqha qed isiru b’investiment ta’ erbgħin miljun ewro.