Wara 22 sena ta’ suċċessi mill-ewwel rappreżentazzjoni tagħha, reġa’ wasal iż-żmien għat-tħejjija tal-pantomima bil-Malti għal żmien il-Milied mill-kumpanija Teatru Rjal.
Dan ix-xogħol artistiku, li ttella’ l-ewwel darba f’Diċembru tas-sena 2000, mill-istess kumpanija se jara differenzi drastiċi. Dan għaliex it-Teatru Rjal ħasset li kellha tagħmel il-pass li jmiss u, għall-ewwel darba, il-pantomima se tkun qed toħroġ mit-teatru tal-Istitut Kattoliku.
Fil-fatt il-pantomima, li din is-sena ssemmiet ‘Sleeping Beauty’, se tkun qed tittella’ f’Diċembru u Jannar li ġej din id-darba f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta u, għall-ewwel darba f’Għawdex, fl-Istitut Don Bosco, fir-Rabat.
Dwar dan it-tibdil, tkellimna ma’ Pawlu Testa, direttur tal-kumpanija Teatru Rjal, li stqarr kif, loġistikament, hi sfida u din is-sena aktar minn qatt qabel, hekk kif il-produzzjoni bl-istess nies u sett jittrasferixxu kollox lejn Għawdex fi ftit jiem.
“Staġun għadda, nieħdu t-tajjeb minnu, imma mhux se noqogħdu ngħidu, għax il-pantomima tiġbed in-nies, ngħidu u ija n-nies jiġu, trid tibda mill-bidu. Kull production għandha storja għaliha, allavolja l-production ta’ qabilha kienet suċċess, xorta trid taħdem biex iġġib in-nies. Naħseb dak hu s-sigriet li jaħdem.”
Jirriżulta li sebgħa u erbgħin persuna se jkunu qed jaħdmu fuq dan il-proġett għal din is-sena u diġà qed isiru t-tħejjijiet neċessarji għall-istaġun festiv tal-Milied.
Il-pantomima ‘Sleeping Beauty’ se tittella’ l-ewwel il-Ħamis 26 ta’ Diċembru sa Lejlet l-Ewwel tas-Sena f’Dar il-Mediterran, waqt li s-Sibt 4 ta’ Jannar u l-għada Ħadd isiru r-rappreżentazzjonijiet f’Għawdex.
Tkellimna ma’ Rodney Gauci, li għas-seba’ darba se jkun jinterpreta l-parti prinċipali tad-dama. Waqt li tenna li l-istorja hi bbażata fuq dik ta’ ‘Sleeping Beauty’ kif nafuha, hemm ħafna modifiki li jirriflettu dak li li jkun ġara din is-sena.
“Nistiednu lil kulħadd jekk humiex familji, jekk humiex żgħażagħ, kbar, żgħar, kulħadd hu mistieden. Hu spettaklu mmirat għal kulħadd, mhux bħal meta ngħidu hemm show għat-tfal, imma nieħdu t-tfal jaraw ix-show u l-kbar ma jieħdu xejn. Dan huwa show li l-kbar jidħku aktar mit-tfal, però t-tfal ovvjament jitpaxxew iżjed b’li jaraw u hu ambjent sigur għall-familja kollha.”
Il-booking għal dawn ir-rappreżentazzjonijiet kollha hu miftuħ mis-sit uffiċjali tat-Teatru Rjal – ktrmalta.com – jew bit-telefown fuq in-numri 99476468 jew 99994987.