“Issa l-familja tagħna hija kompluta.” Hekk qalulna l-koppja Noel u Christopher Vella Galea li laqgħuna f’darhom ftit tal-jiem wara li ġew lura mill-Portugall b’tifel ieħor li addottaw. B’hekk issa flimkien ma’ Daniel, li addottaw tliet snin ilu, huma bdew irabbu wkoll lil Santiago.
Huma spjegaw kif filwaqt li din id-darba l-pandemija tal-Covid-19 għamlet il-proċess tal-adozzjoni wieħed iżjed diffiċli, l-istess pandemija wkoll għenithom biex jintebħu li l-familja tagħhom kienet għadha mhux kompluta u li għalhekk lil Daniel kellhom iġibulu ħuħ sabiex jikber miegħu taħt l-istess saqaf u bil-gwida tagħhom bħala ġenituri.
Spjegaw, “Waqt il-perjodu pereżempju tal-Covid, it-tifel kien qed ikun ħafna ħin id-dar, bejn homeschooling etc, anke ma’ min jilgħab eċċ u ovvjament anke t-tifel dejjem kien isemmi li hu kellu ħutu li kienu wkoll adottati u imbagħad iddiskutejna bejnietna, aħna għamilna l-homework tagħna u erġajna dħalna mill-ġdid fil-proċess wara tliet snin.”
Noel u Christopher spjegawlna kif is-sitwazzjoni ta’ Santiago kienet kemmxejn differenti minn ta’ Daniel hekk kif Santiago qatta’ l-ewwel ħames snin ta’ ħajtu jgħix ma’ familja oħra li kienet qed tiffosterjaħ. Stqarru kif din tagħmilha iżjed diffiċli biex it-tifel jidra jgħix ma’ familja ġdida u għalhekk jistennew li l-ewwel jiem lura f’Malta ser ikunu ta’ sfida ikbar.
Qalu, “Għax hu kien fostered to adopt u l-ġenituri li kien jgħix magħhom, cioe l-familja, ma setgħux irabbuh huma għaliex kienu kbar fl-età u ma xtaqux. Huma dejjem kienu just a fostering family.”
Qalu wkoll li, “Għall-bidu kienet ħafna diffiċli għax qisek ħadtu minn dil-familja u għalih biex, hu ma jafx jekk hux sejjer għat-tajjeb jew għall-ħażin u allura jibda jibża’ x’ser jiġri minnu.”
Noel u Christopher temmew jgħaddu appell lil kull min għandu ħajra sabiex isir ġenitur adottiv ta’ tifel jew tifla. Stqarrew kif filwaqt li kull ġenitur għandu jaħsibha sew qabel jagħmel dan il-pass, l-ebda persuna m’għandha tħalli l-orjentazzjoni sesswali tagħha twaqqaf milli timla’ tifel jew tifla bil-ferħ u bl-imħabba.
Sostnew, “Aħna bħala koppja tal-istess sess, koppja gay, x’inhi l-importanza? It is irrespective of your sexual orientation, jekk intix mara u raġel, jew inkella żewġ nisa jew żewġt irġiel, jew inkella a single gay person jew single heterosexual person. Inti l-importanti li lil dak it-tifel jew tifla ħa ttihom imħabba, dar u kuntentizza, u futur, dik hija, u sense of security fil-ħajja tagħhom biex jimxu iżjed ’il quddiem.”