Il-pandemija tal-Covid-19, it-Tieni Gwerra Dinjija u t-tbatijiet li għadda minnhom il-poplu Senglean matul dawn l-aħħar 200 sena, issa jinsabu f’pittura ġdida li ġiet inawgurata fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, fl-Isla.
Dan bħala parti minn sett ta’ pitturi li saru mill-artist Għawdxi, Manwel Farrugia, li jinsabu fil-kappellun tad-Duluri.
Dwar dawn il-pitturi fil-Bażilika Sengleana, tkellimna mal-Arċipriet tal-Isla, Fr Robin Camilleri.
“Fl-apside għandna wkoll it-tbatija li ġarrab dan il-poplu matul iż-żmien, għandna l-ewwel pesta, imbagħad għandna l-cholera, għandna wkoll it-Tieni Gwerra Dinjija u naraw il-figura tal-Arċipriet Emmanuel Brincat, li baqa’ hawnhekk matul il-gwerra u jdewwi u jagħti s-sagramenti lill-poplu. Ħassejna li għandna npoġġuh hemmhekk għax huwa verament persuna li ħadem għall-poplu Senglean f’mumenti ta’ tbatija.”
Mal-Arċipriet tal-Isla stħarriġna għaliex f’din il-pittura ddaħlet ukoll il-pandemija tal-Covid-19.
“Ħassejna wkoll li għandna npoġġu l-pandemija tal-Covid għaliex aħna poplu li batejna fil-Covid. Xtaqna nagħmlu festi kbar għaċ-ċentinarju tal-Inkurazzjoni tal-Bambina u tal-mitt sena mill-għoti mill-ġieħ tal-Bażilika, imma kellna nagħmlu kollox intern. U għalhekk anki biex il-poplu jiftakar f’din it-tbatija, imma wkoll fl-istess ħin jara t-tama. Aħna llum nirringrazzjaw lil Alla, issa erġajna qegħdin ngħixu b’mod normali.”
Fl-istess pittura hemm ukoll il-wegħda tas-Sengleani fl-elf tmien mija u tlettax, lir-Redentur, lill-Madonna u Santu Rokku biex il-pesta ma tidħolx f’din il-belt. Kif fil-fatt ġara, għaliex ħadd ma tilef ħajtu fl-Isla waqt il-pesta.
Dan il-proġett ta’ pitturi jinkludi wkoll iċ-ċinta li fiha hemm erba’ bukketti tal-fjuri, it-tmien anġli madwar it-twieqi u l-erba’ profetti fil-lunetti.
Apparti minn hekk hemm żewġ pitturi, li jinkludu l-preżentazzjoni ta’ Kristu fit-tempju u l-ħarba ta’ Marija u Ġużeppi b’Ġesù lejn l-Eġittu.
Ritratt Ewlieni: Archdiocese of Malta