Il-mexxejja tal-għoxrin pajjiż bl-akbar ekonomiji fid-dinja, li ltaqgħu f’Summit virtwali ta’ jumejn li ntemm il-Ħadd, mistennija jwiegħdu u jiżguraw distribuzzjoni ġusta għall-vaċċin kontra l-COVID-19, mediċina u testijiet.
Dan skont abbozz maħruġ għal dan is-summit, li matulu qalu li se jagħmlu dak kollu possibbli biex jappoġjaw pajjiżi b’ekonomiji ifqar li qed isibu diffikultà biex jirkupraw mill-impatt tal-imxija.
Il-kriżijiet li ġabet magħha l-pandemija kif ukoll id-diffikultà u l-inċertezza fl-irkupru mis-sitwazzjoni, iddominaw id-diskussjonijiet fis-summit li tmexxa taħt il-presidenza tal-Arabja Sawdita.
Lill-mexxejja dinjija, ir-Re tal-Arabja Sawdija qalilhom li jinsab ottimist dwar il-progress li sar fl-iżvilupp tal-vaċċin u mediċini terapewtiċi kontra l-COVID-19, madanakollu jridu jinħolqu kundizzjonijiet għal aċċess ġust għal kulħadd.
Huwa temm jgħid li huwa fid-dmir li jingħata messaġġ ta’ tama u serħan il-moħħ billi tiġi adottata politika li ttaffi din il-kriżi.