Bħal f’kull qasam ieħor, il-pandemija ġabet sfidi kbar għall-Korp tal-Pulizija.
Bir-regoli u miżuri kontinwament jinbidlu, il-Korp dejjem ġie msejjaħ biex jgħin f’diversi stanzi, speċjalment fejn jidħol l-infurzar.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ta ħarsa lejn sena oħra ta’ pandemija u qal li filwaqt li ġabet magħha diversi sfidi, tat ukoll opportunitajiet biex il-Korp jikkomunika aktar mal-pubbliku.
Qal, “Aħna qed naraw li l-pandemija ħolqot reati ġodda jew iktar milli ħolqot, ikkontribwixxiet għal żieda f’ċertu reati fosthom il-frodi online. Peress li aktar nies jinsabu ġewwa u forsi aktar nies ta’ ċertu età, il-Korp deherlu li jrid jeduka aktar u kontinwament konna qegħdin noħorġu alerts għal scams li kien qed ikollna online.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija qalilna li fuq kollox, l-elfejn u wieħed u għoxrin kienet sena ta’ tiġdid għall-Korp, li bdiet tiġi implimentata l-istrateġija ta’ trasformazzjoni għas-snin li ġejjin.
Frott din il-ħidma, kien hemm żieda fil-fiduċja tan-nies fil-Korp.
Fil-fatt, filwaqt li sa nofs is-sena l-oħra, il-fiduċja fil-Korp kienet ta’ disgħa u erbgħin fil-mija, stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru wera kif sittin fil-mija taċ-ċittadini Maltin jafdaw lill-Korp.
Spjega li, “Il-fiduċja tan-nies irriduha għax waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn u proprju dik hija l-missjoni tal-Korp, li tenfasizza li xogħolna jrid ikun wieħed li jaħdem għall-komunità u fil-fatt, naħseb waħda mir-raġunijiet għalfejn issaħħet il-fiduċja fil-Korp kienet li mhux biss qed nikkomunikaw iktar u aħjar, mhux biss il-Korp huwa effettiv f’xogħlu imma wkoll qed inkun eqreb lejn il-komunitajiet u dik naħseb għamlet differenza kbira.”
Is-Sur Gafà spjega li l-ħidma fil-Korp hija fost l-aktar professjonijiet stressanti u diffiċli li jeżistu u l-membri fi ħdanu jeħtieġu sapport kontinwu, speċjalment emozzjonali.
Għal dan il-għan tnieda programm ta’ counselling speċjalizzat għall-membri tal-Korp.
Qal, “Kemm jista’ jkun b’mod proattiv aktar milli reattiv, qed nassistu lill-membri tagħna. Illum qegħdin nikkomunikaw mal-membri tagħna u nfakkruhom fis-servizz anki meta jmorru fuq ċertu xeni ta’ reat, ikunu xeni trawmatiċi, li tradizzjonalment forsi l-idea kienet waħda ta’ machoism li inti iktar ma tmur fuq dawn ix-xeni, iktar tkun Pulizija tajjeb, però r-riċerka turi li kull waħda minn dawn l-events tħalli effett.”
Wara sena oħra tiegħu fit-tmun tal-Korp, il-Kummissarju Gafà qalilna li fost l-aktar mumenti diffiċli fl-elfejn u wieħed u għoxrin kienu dawk meta ġie nfurmat li weġġa’ kollega waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Hawnhekk innota kif l-uffiċjali jagħmlu dan ix-xogħol għax jagħti sodisfazzjon u fl-istess ħin jagħtu kontribut għal pajjiż sigur, imma saħaq fuq l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull ħaddiem.
Qal, “L-uffiċjali tagħna anki joħorġu barra minn triqthom biex jassiguraw is-sigurtà ta’ dak li jkun u jiena meta anki nara sitwazzjonijiet bħal dawn filwaqt li nifirħilhom għax-xogħol tagħhom, nibqa’ nfakkarhom li l-ewwel fuq kollox, irridu nħarsu s-saħħa u s-sigurtà tagħna. Aħna huwa importanti li nkunu hemm għall-pubbliku però fuq kollox irridu nħarsu saħħitna. Aħna għandna familja d-dar u naħseb li tajjeb li l-poplu japprezza aktar il-ħidma tal-Pulizija li hija fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.”