Il-pandemija Covid-19 kellha impatt kbir fuq il-ħajja ta’ kulħadd, minn tfal sa anzjani, iżda għallmitna wkoll. Dan stqarru l-President George Vella waqt li kien jindirizza seminar online mtella’ mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta, taħt it-tmexxija tad-Dekan tal-Fakultà, il-Professur Andrew Azzopardi.
Il-President George Vella tkellem partikolarment dwar il-biża’ u l-inċertezza li ddominat il-ħajja ta’ persuni ta’ kull età f’dawn l-aħħar 14-il xahar.
Il-President appella biex titqajjem aktar kuxjenza, fost it-tfal biex huma jkunu jafu xi rwol għandhom bil-għan li tingħeleb il-pandemija.
Dr Vella tkellem fuq l-effett li l-pandemija kellha fuq is-saħħa mentali, fost l-adoloxxenti u b’mod partikolari fuq l-anzjani. Fost it-tagħlimiet tal-Covid-19, il-President saħaq fuq l-importanza li nippreservaw l-ambjent naturali għall-ġid mhux biss fiżiku iżda anke dak psikoloġiku tagħna.
Huwa għamel aċċenn fuq l-isfidi li ffaċċjaw il-familji, il-ġenituri u anke dwar l-akbar biża’, partikolarment fost l-anzjani, li hija dik tas-solitudni. Mill-ġdid appella l-ħtieġa tas-solidarjetà ma’ kulħadd iżda b’mod speċjali ma’ dawk l-aktar vulnerabbli.
Il-President George Vella aċċenna wkoll għat-tagħlimiet li ġabet magħha wkoll il-pandemija fosthom dik ta’ fejn verament għandna npoġġu l-prijoritajiet tal-ħajja tagħna.