Il-Palazz tal-President għandu iktar minn 450 sena ta’ storja.
Kien iċ-ċentru tal-poter sa mill-Ordni tal-Kavillieri, il-Franċiżi , l-Ingliżi u saħansitra ra t-twelid tal-Istat Malti. Illum hu l-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika.
B’investiment ta’ kważi 40 miljun ewro b’għaxra minnhom kkofinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja, illum għandna esperjenza konsolidata li tispjega dawn l-erba sekli u nofs ta’ storja.
Permezz ta’ xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr li sar, il-pubbliku se jkun jista’ jibda jżur iktar minn 80% tal-ispazji tal-Palazz li sa ftit snin ilu kienu okkupati mill-Parlament u l-Avukat Ġenerali.
Fejn qabel kien l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali li huwa l-eqdem parti tal-Palazz, illum ġie mibdul f’ċentru tal-viżitaturi li jinkludi numru ta’ esperjenzi viżivi, fejn fosthom hemm dawk li jwasslu l-istorja tal-palazz kif żviluppa bħala binja u f’sala oħra joħorġu l-funzjonijiet differenti li kellu l-Palazz matul is-snin.
“Meta bdejna x-xogħol sibna soqfa li kienu perikolużi li allura l-gvern kien tana l-flus extra wkoll sabiex inkunu nistgħu insewwu dawn is-soqfa. Hawnhekk hija parti żgħira ħafna mill-proġett kbir li issa ftaħna bil-mod il-mod għall-pubbliku. Barra l-armerija wkoll irriġenerajna l-ispazji kollha li kien juża l-Avukat Ġenerali f’ċentru tal-Viżitaturi u llum il-ġurnata għandna l-Orangerie wkoll esposta. Barra minn hekk l-ispazji kollha li kien juża l-Parlament u li kienu jokkupaw il-Membri Parlamentari sabiex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Issa dalwaqt ukoll se jinfetħu kmamar li mhux se tagħrafhom għax għamilna bosta restawr fihom. Irrestawrajna s-suffetti, il-ħitan, l-alfresski, l-artijiet, u anki erġajna għamilna id-damask kif kienu oriġinarjament.”
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Palazz tal-President nibet mill-opportunità li l-Armerija tal-Palazz terġa’ ssib postha fil-kamra fejn kien jiltaqa’ l-Parlament li ukoll kienet ukoll teħtieġ ċerti interventi ta’ restawr.
Ir-restawr u x-xogħol fil-Palazz tal-President sar kollu minn Heritage Malta. Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm ir-restawr tal-pittura fit-tliet kurituri ta’ fuq.
“Dawn il-kurituri għamilna ħafna xogħol. Investejna madwar 4 miljuni ewro fejn irrestawrajna is-suffetti tal-kanvas iddekorati, il-ħitan, il-lunetti kif ukoll l-art interzjata tal-irħam.”
Kull min se jżur il-Palazz la darba jinfetaħ se jkun jista’ jesperjenza l-ħajja fil-palazz fi żmien Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-fażijiet ta’ wara. Sar ukoll eżerċizzju biex għamara u oġġetti oħra li kienu tal-Palazz u li kienu mifruxa f’postijiet oħrajn jerġgħu isibu posthom fil-Palazz.
Ma’ One news, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici wera s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li sar.
“Dan ir-restawr li għamilna nvestejna 30 miljun ewro, restawr li sar f’kull rokna tal-Palazz. Issa l-Palazz ġie lura kif kien fi żmien il-Kavallieri ta’ Malta fejn fl-aħħar snin kienu saru ħafna interventi. Issa għandna lura l-Palazz fil-grandjożita tiegħu. Din hija aħbar tajba ħafna biex b’hekk inkomplu nattiraw iktar turisti li jiġu hawnhekk u l-poplu Malti jkun jista jgawdi il-ġawhar hawnhekk u li aħna tant kburin bihom.”