Matul il-jum tal-Ħadd, il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta infetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba f’diversi xhur.
Hawnhekk il-Maltin u t-turisti setgħu jaraw u japprezzaw ir-restawr estensiv ta’ dan il-palazz storiku fiċ-ċentru tal-belt kapitali.
Waqt din l-open day iltqajna mal-kuratur tal-palazz, Emmanuel Magro Conti, fejn spjega li r-restawr huwa wieħed dettaljat.
Qal, “Il-kwistjoni hi li apparti l-ħitan impittrin, għandek is-soqfa mpittrin, għandek ċertu irħam, mhux xogħol li tiġri u tgħaġġel bih, huwa xogħol ta’ paċenzja. Biżżejjed ngħidu li trid tagħmel pjanti, dokumentazzjoni illi kull maduma tidher, bil-fotogrametri, tagħtiha numru, taqlaha, tnaddafha, tirranġa l-art taħtha u terġa’ tibni u twaħħal kollox.”
Huwa qal x’seta’ jara min żar dan il-Palazz.
Qal, “Qed jara t-taraġ irrestawrat, ftaħna ħafna l-arkati li kienu mblukkati biex jerġa’ jiġi jidher kif kien oriġinarjalment. Dejjem bir-riċerka. Qed jara l-kuruturi tlieta minnhom u post li kien maqsum f’ħafna kmarar żgħar u anki l-livell maqsumin u għandna tnejn, l-iktar żewġ kmarar importanti wara s-Sala tat-Tron, li huma s-Sala tal-Paġġi u s-Sala tal-Ambaxxaturi.”
Partijiet mill-fażijiet ta’ dan il-proġett se jinfetħu fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, bil-proġett mistenni jkun lest sal-2025.
Dan ir-restawr qed isir b’investiment ta’ €30 miljun, li €10 miljuni minnhom huma ko-finanzjati minn fondi Ewropej.