L-armerija ġewwa l-Palazz tal-Gran Mastru li ħafna jafuha bħala l-Parlament l-antik ser tkun qed terġa’ tieħu l-ħajja u sservi għall-iskop oriġinali tagħha.
Dan il-proġett huwa biss parti żgħira mix-xogħlijiet li qed isiru minn Heritage Malta, f’wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi tagħha ta’ riġenerar u li jista’ jieħu sa massimu ta’ tmien snin.
ONE News mar iżur il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta fejn fih bħalissa qed isir dan ix-xogħol. Dan hekk kif tul il-jum tal-Ħadd dan kien miftuħ għall-pubbliku sabiex kull min jagħżel iżuru jkun jista’ jsegwi r-restawr intensiv li qed isir fuq bosta dekorazzjonijiet fil-ħitan u pitturi tas-suffett li jmorru lura għas-seklu 18.
Manuel Magro Conti, kuratur fi ħdan il-Palazz tal-Gran Mastru tkellem ma’ ONE News dwar dan ix-xogħol estensiv u tenna kif dan ir-restawr qed jagħmel ġieħ lil dak kollu li ħallew missirijietna. “Qegħdin fl-armerija tal-palazz li ħafna mit-telespettaturi jiftakruha bħala l-Parlament ta’ Malta. Hija simbolu ta’ dak kollu li qed isir minn Heritage Malta f’dawn l-aħħar snin u fis-snin l-oħrajn li ġejjin fejn il-Palazz tal-Gran Mastru ġewwa l-Belt Valletta qed jiġi restawrat nistgħu ngħidu minn fuq s’isfel sa bil-kantini b’kollox.”
Huwa spjega wkoll kif ġiet imqassma din l-open day u x’għandu jistenna li jara kull min jagħżel iżur dan il-palazz. “Illum fl-open day dan ix-xogħol in-nies qegħdin jarawh x’qed jiġri u ma jiġrix fit-tmien waqfiet matul il-palazz fejn fihom se naraw l-istorja tal-palazz, ix-xogħol involut li kien hemm biex dawn il-kmamar jerġgħu jiġu kif inhuma u x’se jintużaw ‘il quddiem. ”
Intant staqsejna wkoll ammont kbir ta’ viżitaturi għalfejn fil-jum tal-Ħadd marru jqattaw nofs ta’ nhar iduru ġewwa l-Palazz tal-Gran Mastru.
“Jiena tinteressani l-istorja ta’ Malta kif kont qed nitkellem ma’ dar-raġel u nieħu pjaċir nara xogħlijiet li jsiru maż-żmien u taprezza x-xogħol ħa najd hekk li għamlu l-antiki erba’ mitt sena ilu sa’ llum.”
“Avolja din l-ewwel darba li ġejt jiġifieri għalkemm meta sifirt kont inżur ħafna il-katidrali u l-mużewijiet u hekk, dis-sena għidt nagħmel mezz li kemm jista’ jkun indur il-mużewijiet u l-palazzi hawn Malta.”
“Il-papa kien jaħdem hawnhekk u ġejna naraw, kont niġi jien qabel imma isfel l-iktar kont żgħira.”
“Tajjeb li naraw ukoll li wieħed jara x-xogħol qed isir għall-ġid tal-poplu Malti u wieħed jinteressa ruħu fl-istorja ta’ Malta li hija kbira komparata ma’ ċertu pajjiżi.”