Il-Palazz Maġisterjali tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta jew kif inhu mgħaruf aħjar ma’ bosta – Il-Palazz tal-Belt ser jerġa jitpoġġa fil-glorja kollha tiegħu permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ 10 miljun ewro.
L-istorja ta’ dan il-palazz tmur lura mijiet ta’ snin tant li nbena bejn is-seklu sittax u t-tmintax mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li f’ dik l-era kellhom il-ħakma ta’ pajjiżna.
Tul is-snin dan il-Palazz serva għal bosta għanjiet tant li bejn l-1921 u l-2015 serva bħala bini tal-Parlament bl-ewwel 55 sena fil-kamra tal-arazzi u l-aħħar 39 sena fl-akbar sala tal-binja, mgħarufa bħala l-armerija. F’partijiet oħra tal-palazz serva wkoll għal għadd ta’ snin l-Avukat Ġenerali.
Ivana Farruġia, il-kordinatriċi tal-proġett spjegat ma’ ONE News li dan il-proġett li mistenni jasal fi tmiemu fl-2021, ser jinqasam fi tlett fażijiet bl-ewwel tnejn ikun r-restawr tal-oġġetti ta’ valur u t-tieni tkun dik tal-infrastruttura u li l-kmamar li qed iservu ta’ uffiċini jingħataw lura l-glorja mistħoqqa.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi iddeskriva dan l-ivestiment bħala wieħed mill-akbar mill-Indipendenza l’ hawn u spjega kif dan ser iwassal biex l-Armerija terġa’ tingħata l-importanza li jixirqilha.
Tmienja mill-għaxar miljun ewro ddedikati għal dan il-proġett ġew miksuba minn fondi Ewropej li kif spjega s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia huma ħolqa waħda f’katina ta’ 80 miljun ewro li pajjiżna ser ikun kiseb fuq medda ta’ seba snin.
Sabiex wieħed ikun jista jgawdi ir-restawr li diġà sar fuq il-faċċata tal-Palazz, kif ukoll jifhem ix-xogħol li ser ikun qed isir biex dan il-palazz jerġa’ jieħu l-ħajja, il-binja kollha ser tkun miftuħa għall-pubbliku nhar il-Ħadd 6 ta’ Mejju.