Nhar l-Erbgħa, it-22 ta’ Lulju, fit-8:30 ta’ filgħaxija, il-Palazz meraviljuż tal-Girgenti se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku għal serata ta’ mużika mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, saħqet li l-mużika m’għandhiex kulur, u għalhekk tixtieq li kulħadd jingħaqad magħha, ma’ żewġha Robert u ma’ binthom Giorgia Mae għal serata ta’ mużika li tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Lydia Abela saħqet li din mhux se tkun l-ewwel u l-unika attività fil-Palazz għaliex fil-futur qrib se tniedi aktar attivitajiet biex tassigura li hi u l-familja tagħha jkunu viċin in-nies.
Hija stqarret: “L-arti u l-mużika tgħaqqad u allura tnissel sens ta’ senerità u sens ta’ paċi u huwa proprju għalhekk li għażilna dan l-isem, A Night At The Palace, biex nistiednu lill-pubbliku jiġi hawnhekk u jgawdi mill-esperjenzi sbieħ li kapaċi joffri dan il-post.”
Iċ-Chairman tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud qal li dan huwa l-ewwel kunċert għall-orkestra wara l-pandemija, u matulu, il-mużiċisti se jweżġu l-opra ma’ mużika mill-musicals.
Huwa qal: “Bla dubju, il-musicals huma ħafna iktar popolari mill-opra però nemmnu li hemm similaritajiet bejn iż-żewġ kunċetti u naħseb li f’dan il-programm in-nies ħa japprezzaw iżjed is-sabiħ taż-żewġ elementi. Kantanti għandna lil Marvic Monreal, lil Andriana Yordanova u lil Joseph Zammit u l-conductor tas-serata ħa jkun Wayne Marshall.”
Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn imma min jattendi se jintalab jagħti donazzjoni għall-għaqdiet li jaħdmu b’risq l-annimali abbandunati.
Il-biljetti jistgħu jinġabru mill-ġimgħa d-dieħla mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar.