Fl-għaxra ta’ filgħodu, il-bibien tal-Palazz ta’ Sant Anton, infteħu sabiex jilqgħu lil Maltin u Għawdxin sabiex permezz ta’ din l-attivita’ ikollhom ċans jgħixu esperjenza sabiħa u memorabbli, dik li iżuru l-kmamar statali l-ġodda li fihom jilqgħu kapijiet ta’ Stati barranin u jaraw il-patrimonju Malti.
Din l-opportunita’ ġiet milqugħa minn mijiet ta’ nies li ikkonkorrew bi ħġarhom sabiex jaħtfu din l-opportunita’ sabiex jaraw ir-restawr fil-Palazz u inawgurati fl-4 ta’ April 2018.
Fil-fatt, matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Palazz ta’ Sant’ Anton għadda minn proċess ta’ restawr estensiv. Wara riċerka intensiva, numru ta’ kmamar li kienu jintużaw bħala uffiċini, ġew restawrati għal kif kienu ppjanati fi żmien il-Kavallieri. B’reqqa kbira għad-dettal, dawn il-kmamar, illum huma patrimonju li jista’ jitgawda mill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Apparti l-Kmamar Statali, waqt din l-attivita’, infetħet ukoll is-suite tal-Mistednin Statali Mikiel Anton Vassalli li gie ukoll restawrata. F’din is-suite, ġew ospitati Kapijiet ta’ Stati bħar-Reġina Eliżabetta II u bosta Presidenti Barranin. Il-Ġnien Privat tal-Palazz kien miftuħ ukoll, sabiex jitgawda minn nies li attendew.
Il-President Coleiro Preca irringrazzjat lil dawk li attendew u lil volountiera kollha li ħadmu biex dan l-avveniment seta’ ikun suċċess
Din l-attivita’ ġiet organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.