“Il-pajjiżi Misilmin ma għaddewx mill-proċess li għaddiet minnu l-Ewropa biex ġie aċċettat il-pluraliżmu,” dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant f’konferenza dwar l-isfidi reliġjużi u interkulturali fl-Ewropa.
Huwa spjega li l-pluraliżmu reliġjuż fl-Ewropa sab l-għeruq wara sekli ta’ gwerer imdemmgħa u bir-Revoluzzjoni Franċiża li daħħlet il-prinċipju tal-ugwaljanza, iżda b’kuntrast, il-pajjiżi tal-Iżlam ma għaddewx minn din l-esperjenza.
Il-MPE qal li l-ħajja fis-soċjetà qed titqies bħal li kieku kienet materja li tista’ tiġi studjata f’laboratorju. Fi kliemu dan wassal biex l-ekonomija u s-soċjetà waqgħu taħt il-prinċipji tas-suq ħieles, li “llum qed jitmexxew qishom kienu magna li tmur tajjeb jew ħażin skont x’juru ċ-ċifri.”
Sant qal li “huwa importanti li jibqa’ jkollna Ewropa tan-Nazzjonijiet. Jekk ma jsirx dan, il-partiti populisti fl-Ewropa jkomplu jirkbu fuq id-dwejjaq taċ-ċittadini li ma jridux li jiġu trattati qishom kienu numri f’relazzjoni matematika,”
Il-Konferenza kienet organizzata mill-Fakulta` tat-Teoloġija tal-Universita` biex tfakkar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.