Rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Commonwealth jinsabu Malta biex jiddiskutu kif il-gvernijiet jistgħu jużaw fondi biex ikun miġġieled it-tibdil fil-klima. Dan bħala parti minn strateġija miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għal pajjiżi żgħar, li twaqqaf Malta waqt iċ-CHOGM tal-2015.
Dan kollu mhux biss biex jiffaċilita t-tfassi tal-Ftehim ta’ Pariġi, li dak iż-żmien kien għadu qed jinġabar, iżda anke biex jinstabu mezzi ta’ sostenn għal pajjiżi żgħar b’riżorsi limitati. B’kollox, fil-Commonwealth hemm 31 pajjiż żgħir, fosthom Malta.
F’diskors waqt id-diskussjoni, li kompliet it-Tlieta filgħodu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li l-għan hu li Malta tkun pajjiż ferm aktar sostenibbli minn dan l-aspett sas-sena 2050.
L-istraġeija mistennija tkun implimentata wkoll grazzi għal esperti li jintbagħtu mill-Commonwealth Finance Access Hub, li janalizzaw kif il-fondi tal-pajjiż jistgħu jintużaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
“Malta qed turi leadership f’dan il-qasam billi mhux biss nitkellmu fuq is-suġġett imma ffaċilitajna li l-Paris Agreement jintlaħaq ftehim dwarha. Qbilna fuq it-triq ‘il quddiem f’din l-isfida.”
Dan apparti li Malta qed tkun pijunier fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi sservi ta’ eżempju għal pajjiżi żgħar oħra, speċjalment pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.
“Malta qed turi leadership ukoll fil-pajjiżi żgħar biex ngħinuhom fir-riżorsi li ma jkollniex naqsumhom flimkien u nkunu nistgħu naħdmu flimkien f’dan il-qasam.”
Il-Ministru Abela temm jispjega li l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew għall-Investiment huma flimkien l-akbar kontributur għall-iffinanzjar tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, hekk kif in-nefqa għal din il-kawża fl-2017 qabżet l-għoxrin biljun ewro.
Gabriella Cassola, Deputat Direttur taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza f’Malta, spjegatilna li mindu twaqqaf iċ-ċentru erba’ snin ilu, Malta kellha rispons tajjeb ħafna mill-istati ż-żgħar l-oħra tal-Commonwealth.
“S’issa r-rispons kien tajjeb ħafna. Qed japprezzaw ħafna l-fatt li l-organizzazzjoni qed isir minn Stat żgħir li jista’ jagħti ammont ta’ tagħlim lil pajjiżi oħra li għandhom diffikultajiet. Iċ-ċentru huwa mezz tajjeb biex Malta tgħaddi l-lezzjonijiet li tgħallmet lil pajjiżi oħra.”