Statistika uffiċjali maħruġa llum tikkonferma li l-Gvern żamm mal-miri tiegħu fejn jidħlu t-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn tal-pajjiż.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, ħabbar li, is-sena l-oħra, il-Gvern irreġistra defiċit ta’ 5.8 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), eżatt kif kien ipproġetta l-Gvern innifsu fil-Budget. B’hekk, id-defiċit għall-2022 kien ta’ €981.1 miljun, li jfisser titjib ta’ €194.7 miljun fuq id-defiċit li kien ġie rreġistrat għall-2021.
Id-defiċit jiġi kkalkulat bħala d-differenza ben id-dħul u n-nefqa totali tal-Gvern.
L-istatistika turi wkoll li d-dejn tal-pajjiż fl-2022 kien jammonta għal €9,003.4 miljun, jew 53.4 fil-mija tal-PDG. Din iċ-ċifra hija saħansitra aħjar mit-tbassir li kien għamel il-Gvern fil-Budget, li kien ta’ kważi 57 fil-mija. Fiż-Żona tal-Ewro, id-dejn kien ta’ 91.6 fil-mija tal-PDG filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kien ta’ 84 fil-mija.
L-istatistika uffiċjali turi wkoll li d-dħul tal-Gvern matul l-2022 kien tajjeb minkejja l-kriżi internazzjonali, filwaqt li n-nefqa tal-Gvern baqgħet waħda kkontrollata. Dan kien possibbli għax, permezz tal-miżuri ta’ appoġġ li l-gvern Malti baqa’ jieħu favur il-familji u n-negozji, ewlenin fosthom is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils, l-ekonomija kompliet tikber b’rata b’saħħitha. Dan ġie kkonfermat mill-ġdid ukoll fl-aħħar jiem mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu DBRS Morningstar.