Waqt intervista fuq l-istazzjonijiet ONE, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-pajjiż għad baqagħlu x’jaħdem dwar il-vjolenza domestika.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar, li seħħ nhar it-Tlieta filgħodu f’Raħal Ġdid.
Qal, “Li huwa ċert huwa ħaġa waħda: li l-Istat, il-pajjiż, is-soċjetà m’għamlitx dak kollu li kellu jsir għaliex ġaladarba kellek mewt – u jkolli ngħid li din is-sena kien hemm tliet imwiet, li nemmen li setgħu għadhom magħna – allura jfisser li m’għamilniex biżżejjed.”
Dr Abela spjega li, aktar kmieni din is-sena, iddaħħal il-kunċett ta’ femiċidju, li ma kinitx sempliċiment kwistjoni ta’ kelma iżda li jintbagħat messaġġ ċar li, jekk xi ħadd iwettaq femiċidju, jieħu l-ogħla pieni li hemm fil-liġi.
Il-Prim Ministru qal li fil-livell tal-Kabinett hemm diskussjonijiet sabiex tiddaħħal l-aċċess għal fedina penali ta’ sieħeb jew sieħba tiegħu sabiex ikun hawn aktar protezzjoni kontra l-vjolenza domestika.
Qal, “Se nagħtu aċċess lil min qiegħed f’relazzjoni, illi jkun jista’ jkollu aċċess għal fedina penali tal-parti l-oħra fir-relazzjoni, jekk huwiex mara jew hijiex raġel, biex jiġi żġurat u verifikat hemmhekk jekk dik il-persuna l-oħra jkollhiex anki l-istorja ta’ każijiet li huma relatati ma’ vjolenza domestika. Se jkun hemm struttura dwar dan il-mekkaniżmu, kif se jkun qiegħed jaħdem. Imma hemmhekk, il-ħsieb wara dan kollu, huwa biex niżġuraw kemm jista’ jkun li meta wieħed ikun f’relazzjoni jkun jaf sew il-passat tal-persuna li magħha jkun f’relazzjoni u kemm jista’ jkun nevitaw dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll kif fil-Qrati se jkun hemm żieda ta’ żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati, u dan se jwassal biex ikun hemm tliet ġudikanti li jisimgħu każijiet dwar vjolenza domestika. Qal ukoll li, meta jkun hemm ordni ta’ protezzjoni li tinħareġ mill-ġudikatura, irid ikun hemm struttura robusta biex din tiġi segwita.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ftuħ tal-inkjesta li tinkludi żewġ binarji, fuq l-intern u l-ġustizzja, biex tara jekk kien hemmx nuqqasijiet fil-każ ta’ Bernice Cassar.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tar-rispett lejn in-nisa, u lejn xulxin, anki fuq il-midja soċjali.