Il-Grupp ta’ Yorgen Fenech kien qed jgħin b’donazzjonijiet sabiex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema tal-midja tal-Partit Nazzjonalista. Dan ħareġ waqt ix-xhieda tal-eks kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli, quddiem il-bord tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Portelli kkonferma li l-grupp Tumas kien wieħed mill-kumpaniji kkuntatjati sabiex jgħinuh jegħleb il-problemi finanzjarji li kien hemm fil-partit. B’mod speċifiku huwa spjega kif lura f’Marzu 2019, meta diġà kien żvelat li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black, Portelli kkuntatja lil Fenech dwar donazzjoni. Stqarr li għalkemm ma kienx jużahom direttament biex iħallas il-pagi, dawn imbagħad kienu jinħarġu f’pagi mill-kumpanija Media.Link.
Intant fl-istess xhieda tiegħu, Portelli kkonferma li huwa kien jitkellem ma’ Yorgen Fenech dwar stejjer li jistgħu joħorġu dwar persuni fil-Partit Nazzjonalista stess. Dan għaliex fi kliemu huwa kellu jiġġieled ‘fire with fire’. Dan filwaqt li qal kif Yorgen Fenech ġieli għaddilu stejjer dwar persuni mill-Partit Laburista.
Intant, fix-xhieda tiegħu Adrian Delia ċaħad li kellu xi relazzjoni ma’ Yorgen Fenech. Dan filwaqt li ċaħad ukoll li l-laqgħa ta’ Kristy Debono u Hermann Schiavone ma’ Yorgen Fenech kienet saret f’isem il-Partit li kien imexxi hu.