Erbatax-il gurnata bogħod minn jum il-Ġimgħa l-Kbira, tnediet pageant bl-isem ta’ Il-Passjoni ta’ Kristu fil-Belt Valleta. Dan hu proġett imtella’ mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala parti mill-programm kulturali tal-kapitali ewropea tal-kultura.
Fiha se jieħdu sehem madwar 400 persuna li se jirraprezentaw personaġġi mit-Testment il-Qadim u mit-Testment il-Ġdid.
Il-Pageant tiftaħ bit-Tħabbira tal-Passjoni u l-kulta lejn is-Salib Imqaddes rappreżentati minn Santa Liena u Binha l-Imperatur Kostantinu.
Dawk preżenti se jmorru lura sa mill-evoluzzjoni tad-Dinja, u mill-ktieb tal-Genesi jaraw lil Adam u Eva li minħabba d-dnub tan-nisel tagħhom wasslu għall-ġrajja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu li permezz tal-mewt u l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet u tlugħ tiegħu fis-sema bir-ruħ u l-ġisem il-bniedem ġie mifdi.
Biex il-pageant tinagħta l-ħajja ma jonqosx is-sehem ta’ animali domestici bħal-ħmar, iż-żemel u tjur fost l-oħrajn.
Wara li tkun ħarġet mill-Palazz tal-Granmastru, il-mixja se tkun qed tieħu rotta għal Triq ir-Repubblika, Triq Melita, Triq Merkanti, Triq San Kristofru, lura għal triq ir-Repubblika u l-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu se jiġu preżentati fuq iz-Zuntier tal-Kon-katidral ta’ San Gwann.
Fost il-kantanti li ser jieħdu sehem inisbu lil Debbie Scerri. Eleanor Cassar, Lydia Grech, Renato Vella, Steves, Malcolm Camilleri, Ishmael Grech, Nazio Rotin, Stephanie Vella, Marilyn Cauchi u Sharon Aquilina fost l-oħrajn.
Se jagħtu wkoll is-sehem tagħhom tlett baned Maltin ewlenin: l-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien, l-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun, u l-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. Fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, it-tnejn tal-ewwel se jkunu qed jimxu b’marċi funebri minn ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja għal Triq Merkanti u jaslu ħdejn il-Palazz tal-President, filwaqt li l-Banda King’s Own se tkun qed titlaq b’sett marċi funebri minn ħdejn it-Teatru Rjal sa ħdejn il-Palazz, fejn imbagħad takkumpanja l-purċissjoni mat-triq.
Il-pageant se ssir nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu mis-sebgha ta’ filgħaxija ‘l quddiem.