Il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali ħabbar li l-pensjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li jitħallsu b’ċekk u li huma dovuti fit-28 ta’ Diċembru se jinħarġu erbat ijiem qabel u se jkunu jistgħu jissarrfu mill-ewwel.
Din il-miżura ttieħdet minħabba tibdil fl-infrastruttura tas-sistema tal-informatika tal-Bank of Valletta u li konsegwenza tagħha, il-fergħat tal-bank se jagħlqu għal jumejn.
Il-Ministeru qal li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel l-arranġamenti meħtieġa biex il-benefiċjarji jitħallsu l-pagamenti dovuti qabel il-perjodu li l-Bank mhux se jkun qiegħed joffri servizzi mill-fergħat tiegħu.
Ħabbar ukoll li l-pagamenti kollha li jsiru permezz ta’ depożitu fil-kont bankarju se jkunu pproċessati biex jitħallsu fl-24 tax-xahar bi ftehim mal-Bank Ċentrali minħabba li l-25 ta’ Diċembru hija festa pubblika u s-26 ta’ Diċembru hija btala bankarja.
Anke l-pagamenti ta’ benefiċċji li jiġu pproċessati u mħallsa kull ġimgħa, u mhux kull 4 ġimgħat, ukoll se jkunu datati 24 ta’ Diċembru biex iċ-ċekkijiet ikunu jistgħu jissarrfu qabel ukoll. F’dan il-każ anke l-pagamenti depożitati direttament il-bank se jidħlu fl-24 ta’ Diċembru.
Il-Ministeru ħeġġeġ ukoll lill-benefiċċjarji biex jinnotaw il-ħinijiet tal-ftuħ tal-fergħat tal-bank, l-aktar fit-28 tax-xahar.
Għal aktar informazzjoni dwar kif se jsiru l-pagamenti, il-pubbliku jista’ jċempel fuq in-numru 153.