Il-Paga Minima Nazzjonali nominali f’pajjiżna fl-2024 se tkun ta’ €925 fix-xahar, li hi żieda ta’ 40% fuq il-livell li kienet fih fl-2010.
Dan fisser li ż-żidiet li ngħataw s’issa, wara żewġ ftehimiet storiċi mal-imsieħba soċjali f’dawn l-aħħar seba’ snin, wasslu biex il-Paga Minima llum hi t-tnax l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, skont analiżi li għadha kemm ġiet ippubblikata mill-Eurofound, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kudizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol.
Imqabbel ma’ Jannar tas-sena li għaddiet, il-Paga Minima se tkun żdiedet b’10.8%, wara li bejn Diċembru tal-2022 u Diċembru 2023 kellna inflazzjoni ta’ 3.8%.
Huma biss seba’ pajjiżi oħra li se jkunu għollew il-Paga Minima tagħhom aktar minn Malta. Minkejja dan, terġa’ huma biss tnejn minnhom b’Paga Minima li tikkwantifika iżjed minn dik ta’ Malta.
L-ogħla żieda li ngħatat fl-aħħar sena, dik ta’ 21.5% kienet fil-Polonja, fejn issa l-Paga Minima saret €978 fix-xahar, waqt li t-tieni l-ogħla, dik ta’ 20%, kienet fil-Kroazja biex issa l-livell hawnhekk laħaq it-€840 fix-xahar, li xorta hu ħamsa u tmenin ewro inqas minn dik f’pajjiżna.
Ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea sal-lum għad m’għandhomx Paga Minima Nazzjonali statutorja.
Il-Eurofound tenna li, fil-bidu tal-2023, il-prospetti għal ħafna ħaddiema li jaqilgħu l-Paga Minima f’ħafna pajjiżi kienu ħżiena, għax għalkemm ir-rati tal-Paga Minima kienu għolew sostanzjalment f’termini nominali, dan ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa lill-ħaddiema għaż-żieda straordinarja fil-prezzijiet mill-aħħar tal-2021 ’il quddiem.
L-inflazzjoni kienet il-kaġun li ħaddiema fuq Paga Minima sofrew tnaqqis fil-qligħ reali tagħhom. Din is-sena, issa hemm xejra differenti, għax il-Pagi Minimi Nazzjonali se jkunu ogħla waqt li l-inflazzjoni qed tonqos.
Dan ukoll se jkun il-każ f’Malta, fejn il-Paga Minima se tkun żdiedet b’10.8%, waqt li l-inflazzjoni mbassra li tkun ta’ 3%.
F’għadd ta’ stati membri, il-Paga Minima Nazzjonali għoliet aktar min-normal, wara deċiżjoni minn ċerti pajjiżi li jantiċipaw l-introduzzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar Paga Minima Adegwata, li t-traspożizzjoni tagħha fil-liġijiet nazzjonali trid issir sa Novembru li ġej.
Minbarra hekk, xi stati membri bdew jaġġornaw il-Paga Minima Nazzjonali b’ċertu persentaġġ tal-pagi medji, skont kif tirrikjedi l-istess direttiva, biex il-Pagi Minimi ma jkunux eċċessivament inqas mill-medja fl-ekonomija.