Il-paċi u s-sigurtà se jkunu fuq nett tal-aġenda tal-laqgħa importanti tal-OSCE li se tittella’ f’pajjiżna, il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Dan anke fid-dawl tal-fatt, li għaddejja gwerra fir-reġjun, u b’hekk din il-laqgħa tgħaqqad il-partijiet involuti f’dawn il-kunflitti u gwerra.
L-OSCE hija l-akbar organizzazzjoni fid-dinja li titratta s-sigurtà reġjonali, u rat il-bidu tagħha fil-qofol tal-Gwerra l-Bierda, fejn ġiet rikonuxxta l-importanza tad-djalogu.
Illum il-ġurnata, il-membri ta’ din l-organizzazzjoni jgħoddu l-57 – fosthom mill-Amerika ta’ Fuq, l-Ewropa u l-Asja.
Dwar dan, fl-MFCC f’Ta’ Qali, u waqt l-aħħar preparamenti, tkellimna ma’ Natasha Meli Daudey, li mhux biss hija l-Ambaxxatriċi Maltija għal Vienna, iżda wkoll ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-OSCE.
“L-aktar ħaġa importanti hija l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tagħna. Nafu li għandna gwerra għaddejja u din l-organizzazzjoni ġiet iffurmata bħala pjattaforma ta’ djalogu.”
L-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey
Hija żiedet tgħid, kif iċ-ċavetta għall-paċi, tibqa’ d-djalogu.
“Minkejja d-differenzi li jeżistu u n-nuqqas ta’ paċi, l-aktar ħaġa importanti hi li l-partijiet prinċipali, kollha ħa jiġu Malta, ħa jkunu madwar l-istess mejda, għaliex ovvjament ma jistax ikollna paċi mingħajr id-djalogu.”
L-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey
Staqsejniha wkoll, xi jfisser li din il-konferenza, se tittella’ f’pajjiżna – fejn qaltilna li kienet l-OSCE stess li talbet lill-pajjiżna sabiex tieħu dan l-irwol.
“Ifisser ħafna. Wieħed ma jridx jinsa li Malta, ġiet mitluba biex tieħu dan l-irwol u ma fittixnihx aħna. Malta hija pajjiż li interess wieħed għandha – li jkollna l-paċi u s-sigurtà fid-dinja u huwa pajjiż li kkontribiwxxa ħafna għall-multilateraliżmu. Wasalna f’mument fejn pajjiżi bħal tagħna, għandhom rwol importanti ħafna x’jistgħu jagħmlu u matul dawn l-aħħar xhur, Malta, ħadmet qatigħ biex din l-organizzazzjoni tkun f’sitwazzjoni aħjar u allura jkun hemm xaqq ta’ dawl għall-paċi fid-dinja.”
L-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey