Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, kellu taħditiet mal-Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, f’Tel Aviv, l-Iżrael. Fost il-punti li ġew diskussi fil-laqgħa waqt din iż-żjara uffiċjali kien hemm ir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali, kif ukoll is-sitwazzjoni fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.
“Malta hija kuntenta bl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Iżrael f’dawn l-aħħar snin,” stqarr il-Ministru Abela. “Ir-relazzjonijiet bilaterali tagħna llum huma iktar b’saħħithom u ninsabu ħerqanin biex fix-xhur li ġejjin nibqgħu nibnu fuq dan il-momentum. L-intenzjoni tagħna hija wkoll li nikkonsolidaw il-momentum politiku lejn sħubija dejjem eqreb. B’mod aktar ġenerali, din iż-żjara ġiet ukoll fi żmien opportun meta wieħed iqis l-iżviluppi li qed iseħħu fir-reġjun, u li fir-rigward tagħhom naraw lill-Iżrael bħala alleat reġjonali importanti.”
Il-Ministru Abela afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta favur soluzzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ Stati. F’dan il-kuntest, l-istatus futur ta’ Ġerusalemm għandhom jaqblu fuqu bejniethom l-Iżrael u l-Palestina permezz ta’ negozjati sinifikattivi ta’ paċi bejniethom.
Barra minn hekk, il-Ministru żar il-Yad Vashem, iċ-ċentru kommemorattiv uffiċjali tal-Iżrael li jfakkar lill-vittmi tal-Olokawst. Hemmhekk, poġġa kuruna tal-fjuri f’isem il-Gvern u l-poplu ta’ Malta. Waqt li kien Ġerusalemm, kellu wkoll l-okkażjoni li jiltaqa’ ma’ membri tal-komunità Maltija fl-Art Imqaddsa.