Waqt stqarrija ministerjali fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-importanza u l-pożizzjoni ta’ Malta dwar diversi suġġeti waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell li kien preżenti għalih fl-aħħar jiem.
Dr Abela tenna li, waqt is-summit, Malta baqgħet tinsisti favur il-paċi, id-diplomazija u d-djalogu. Dan fi sfond ta’ diskussjoni dwar il-Gwerra fl-Ukrajna u l-pożizzjoni ta’ Malta tibqa’ waħda konsistenti, dik tan-newtralità.
“In-nies tista’ tħares biss lejn din in-naħa tal-Kamra għas-serħan il-moħħ, għax jafu li aħna ċari f’dak li ngħidu u nagħmlu u m’aħniex se nissellfu, le, m’aħniex se nissellfu, biex nixtru l-armi u l-munizzjon. Għalina l-paċi, id-diplomazija u d-djalogu jibqgħu l-qofol tas-soluzzjonijijiet dejjiema,” tenna l-Prim Ministru.
Fejn tidħol il-kompettività u s-suq waħdieni, il-Prim Ministru spjega li, minkejja li hi l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta jeħtieġ ikollha aċċess indaqs għal mediċini u dan bi prezz xieraq. Dan minħabba li pajjiżna flimkien ma’ żewġ stati membri oħrajn, għandu realtà ta’ frammentazzjoni fis-suq intern tal-farmaċewtika.
Hu saħaq li dan il-Gvern mhux se jħalli lill-pazjenti jbatu.
Il-Prim Ministru tenna li tkellem ukoll dwar dak li jolqot lin-negozji u l-isfidi li qed jiffaċċjaw, il-konnettività, l-industriji tal-avjazzjoni u l-marittimu.
Sadanittant il-Prim Ministru spjega li, matul il-Jum tal-Ħamis 20 ta’ Marzu, ħa sehem flimkien ma’ mexxejja oħrajn għal laqgħa dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari.
Insista li, minkejja li ħaddieħor mill-Partit Nazzjonalista pprova jixħet lill-Gvern il-ħabs, pajjiżna rnexxielu jnaqqas b’mod drastiku l-immigrazzjoni irregolari. Dan minkejja wkoll li pajjiżna għandu pressjoni diretta minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu.
Waqt din l-istqarrija ministerjali, Dr Abela aċċenna li, avolja għal ħafna żmien Malta tħalliet waħedha, illum il-ġurnata dwar is-suġġett il-maġġoranza tal-Unjoni Ewropea qed titkellem dwar riformi li huma bżonnjużi.
Dr Abela qal li din il-ħidma hi kruċjali biex tingħata l-protezzjoni lil min verament ikun ħaqqu, iżda jiġi assigurat li dawk li ma ħaqqhomx l-ażil ikunu jistgħu jiġu rritornati b’mod effettiv.
Hawn innota l-attentat medjokri tal-Oppożizzjoni li ddawwar kollox f’ballun politiku, anke fuq suġġett tant sensittiv bħal dan.
“Pajjiżna dejjem kien, għadu u jibqa’ minn ta’ quddiem biex jiġġieled għat-tsiħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, iżda biss fejn hu meritat. U li hi meħtieġa riforma tal-imsemmija konvenzjonijiet li għadni kif għamilt referenza għalihom, mhijiex il-fehma tiegħi waħdi, iżda wkoll ta’ kull min jifforma parti minn dak il-grupp li semmejt aktar qabel. Kulħadd tkellem dwar il-ħtieġa li dawn il-konvenzjonijiet jiġu riformati qabel għada fejn jidħol is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari,” kompla l-Prim Ministru.