Il-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins, flimkien ma’ martu Sabina, jinsabu f’pajjiżna għal Żjara Statali ta’ tlett ijiem. Id-delegazzjoni Irlandiża waslet f’Malta l-Erbgħa tard filgħaxija.
L-ewwel impenji tal-President Irlandiż bdew il-Ħamis filgħodu fil-Palazz Presidenzjali ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard. Hemmhekk intlaqa’ mill-President ta’ Malta, George Vella, u martu, is-Sinjura Miriam Vella.
F’ċerimonja uffiċjali, il-Forzi Armati ta’ Malta daqqew l-innnijiet nazzjonali taż-żewġ pajjiżi u taw is-salut liż-żewġ Presidenti. Wara l-President Irlandiż spezzjona gwardja tal-unur.
Imbagħad bdiet laqgħa uffiċjali bejn iż-żewġ Presidenti, flimkien mad-delegazzjonijiet tagħhom.
Wara, iż-żewġ Kapijiet ta’ Stat indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, li fiha qalu li fost it-temi li ddiskutew kien hemm il-gwerra fl-Ukrajna, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-iżviluppi fir-reġjun Mediterranju, u kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni irregolari.
Il-President ta’ Malta, George Vella, għamel aċċenn għall-prinċipju tan-newtralità li jħaddnu ż-żewġ pajjiżi.
Qal, “During our official talks, we had the opportunity to discuss the excellent nature of relations between our countries, who share a similar recent history and specific characteristics such as neutrality. Both our countries are also active members of the European Union and other multilateral structures, most notably the United Nations, where we share positions that are based on shared principles and visions.”
Il-President George Vella semma wkoll il-koperazzjoni b’saħħitha li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi f’bosta oqsma u qal li se tkompli l-ħidma sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’setturi oħra.
Min-naħa l-oħra, fl-indirizz tiegħu, il-President Irlandiż kellu messaġġ b’saħħtu dwar il-paċi.
Spjega, “This is how our Europe should be in, which we will be able to take the things we want to share with each other. We want to create a Europe, as we all hope for, a Europe that will not be discussing war or endless war but that of people making peace in our own countries and sharing the means of making peace.”
Il-President Irlandiż qal li jinsab grat għall-mod kif pajjiżna mexa meta kienu għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-Brexit.
Ma naqasx li jinnota wkoll il-karatteristiċi uniċi li għandhom Malta u Għawdex, fosthom is-siti storiċi li huma fil-lista tal-UNESCO.
Waqt l-iskambu tar-rigali, il-President Vella ppreżenta kopja tal-Kantilena lill-President Irlandiż. Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru tmur lura għas-seklu 15 u hija l-eqdem test letterarju magħruf bil-lingwa Maltija.
Min-naħa tiegħu, il-President Higgins ippreżenta lill-President Malti biċċa xogħol tal-arti ispirata mill-kosta tal-Punent tal-Irlanda.
Mill-Palazz Presidenzjali f’Ħ’Attard, il-President tal-Irlanda qabad triqtu lejn il-Furjana, fejn poġġa kuruna tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra.
Iż-Żjara Statali kompliet il-Ħamis wara nofshinar, fejn f’lukanda ewlenija l-President Irlandiż kellu għadd ta’ żjarat ta’ korteżija
Huwa kellu laqgħa mal-Prim Ministru, Robert Abela, li kien akkumpanjat min-numru ta’ Ministri tal-Kabinett tal-Gvern. Huma tkellmu dwar bosta temi, fosthom il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi, il-valur li ż-żewġ pajjiżi jagħtu lill-prinċipju tan-newtralità, l-oqsma tal-kummerċ u t-turiżmu, u anke dwar kif tista’ tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u l-Irlanda fis-settur tas-sigurtà.
Laqgħat ta’ Korteżija oħra saru lill-President Irlandiż mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, u mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Iż-Żjara Statali se tkompli fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt. Id-delegazzjoni Irlandiża se tagħmel numru ta’ żjajjar kulturali, fosthom fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u fit-tempji megalitiċi ta’ Ħaġar Qim.
Ritratti: OPR