Waqt konferenza tal-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej f’Bucharest, ir-Rumanija, il-Ministru Owen Bonnici sostna li l-paċi f’Gaza u t-twettiq tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati fil-Lvant Nofsani għandha tkun prijorità.
Intqal kif bl-istess mod li għandna nkunu ta’ spalla mal-Ukrajna, hekk għandu jsir biex ikun hemm il-paċi f’Gaza u li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati fil-Lvant Nofsani – dak ta’ Iżrael u dak tal-Palestina li jgħixu ħdejn xulxin u flimkien.
Dr Bonnici saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tkun misjuqa minn valuri bbażati fuq il-ġustizzja soċjali fl-implimentazzjoni tal-politika barranija tagħha.
Hu qal li dawn il-valuri mhux biss jagħtu identità lill-Unjoni Ewropea nnifisha u jiddeskrivu t-twemmin tagħha, iżda wkoll iservu bħala mezz li bih tiġi promossa u implimentata l-bidla.
Hawnhekk semma l-aspetti ambjenti, ekonomiċi u teknoloġiċi, fit-tħaddim ta’ politika barranija bbażata fuq il-ġustizzja soċjali, bħala oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel differenza. Dan dejjem għandu jkun imħaddan mal-paċi.
Dr Bonnici tkellem ukoll dwar il-mobbilità soċjali, jiġifieri li kull ċittadin Ewropew ikollu ċ-ċans u l-opportunità daqs ħaddieħor li jirnexxi.