“Il-paċi ġġib l-istabbiltà u għalhekk Malta bil-fatti dejjem taħdem favur dan.”
Kliem il-Prim Ministru Robert Abela fis-Siġġiewi, f’ġimgħa li fuq livell internazzjonali baqgħu jiddominaw l-aħbarijiet xejn sbieħ dwar il-konflitt fil-Lvant Nofsani u l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna.
F’messaġġ ċar, Dr. Abela qal kif l-istabbilità biss toffri tama ta’ futur aħjar lill-bniedem u għalhekk Malta kienet għadha u se tibqa’ tħaddan il-prinċipju tan-newtralità, għax nemmnu li s-soluzzjoni għall-gwerra hija li taħdem għall-paċi.
“Ma nemmnux f’messaġġ inflammatorju li s-soluzzjoni għall-gwerra tkun gwerra akbar milli diġà hemm u biex tirbaħ il-gwerra mhux tħaddan l-armamenti trid, tħaddan il-paċi. Nistaqsi jien, kif hawn min bħal donnu jieħu pjaċir aktar ikollu aktar sodisfazzjon dwar il-missili minflok titħaddet dwar il-paċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan qalu anke b’referenza ċara għad-dikjarazzjoni, li ħafna ddeskrivewha perikoluża, li għamlet l-MEP Roberta Metsola, fejn ġiet ikkwotata tgħid li l-Ewropa għandha ssaħħaħ l-armamenti tagħha u tkun lesta għal li jinqala’.
Il-Prim Ministru tenna wkoll kif sa din il-ġimgħa stess, fil-fora Ewropea reġa’ wassal messaġġ favur il-paċi. Hawnhekk, semma kif il-Gvern Malti laqa’ t-talba biex jassisti b’mod umanitarju lit-tfal tal-Palestina, b’referenza wkoll għall-fatt li din il-ġimgħa stess f’pajjiżna lqajna liċ-ċkejkna Saleh.
Dwar it-traġedja li seħħet jumejn ilu, Robert Abela esprima s-sogħba għat-telfa ta’ ħames ħajjiet ftit filwaqt li wera rikonoxximent għall-ħidma tal-forzi armati ta’ Malta li salvat disgħa u għoxrin ħajja.
Hawnhekk huwa kellu messaġġ kontra ċ-ċirku kriminali tat-traffikanti tal-bniedem.
“Qed nittrattaw hawnhekk ma’ ċrieki ta’ kriminalità illi huma t-traffikanti tal-bnedmin li jesplotaw il-vulnerabilità tal-bniedem, illi l-mudell tan-negozju tagħhom huwa li jaqilgħu l-flus minn fuq it-tbatija tal-bnedmin u huwa mudell li rridu nibqgħu niġġildulu bis-saħħa għax qed iwassal għal ħafna telf ta’ ħajjiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li din hija sfida li Malta waħedha ma tistax tegħlibha u għalhekk tibqa’ qawwija s-sejħa ta’ pajjiżna sabiex l-Unjoni Ewropea ma tibgħatx messaġġi żbaljati li jistgħu jiffaċilitaw dan il-mudell tat-traffikar tal-bnedmin.
Din il-ħidma konġunta tista’ imbagħad iġib stabbilità fil-Mediterran u fil-futur tal-bniedem.
Quddiem dan kollu Robert Abela nnota kif Malta dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tgħin meta kien hemm bżonn u kif il-poplu Malti u Għawdxi kien hemm dejjem meta ġie msejjaħ biex jgħin.
“Naf ukoll li inthom ilkoll magħna f’din is-sejħa u kull meta se jkun hemm sejħa għall-għajnuna umanitarja li verament tgħin lil dawk il-poplu huma min huma, biex jiksbu mill-ġdid il-paċi, Malta se tkun qiegħda fuq quddiem nett. Dik hija Malta li nemmen fiha, dik hija Malta li nemmnu fiha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela