Ir-rappreżentanti tal-Grupp Parlamentari Laburista fuq il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi; Robert Abela, Clayton Bartolo, Julia Farrugia Portelli u Silvio Schembri qed iressqu talba quddiem il-Kumitat dwar żewġ kwistjonijiet li juru n-nuqqas ta’ governanza serja u trasparenza tal-amministrazzjoni Nazzjonalista u t-tmexxija ta’ Jason Azzopardi.
It-talba lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi hija sabiex ikun hemm skrutinju tar-rapporti tal-Awditur Ġenerali li sab nuqqasijiet serji u saħanistra jsemmi ndħil politiku fil-każijiet tal-Fekruna u ta’ 83, Triq Spinola San Ġiljan.
Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li ż-żewġ każijiet jixhdu nuqqas ta’ serjetà fit-tmexxija taħt Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista minkejja l-ħafna kliem dwar standards li jingħad.
Wieħed irid ifakkar li dawn mhumiex l-ewwel żewġ każijiet li fihom hemm involut Jason Azzopardi, l-aktar Ministru Nazzjonalista li qala’ kundanni mill-Awditur Ġenerali, ma’ dawn hemm ir-rapporti wkoll fuq l-art tal-Lowenbrau, l-bini tal-HSBC fil-Belt Valletta u l-encroachments qabel l-elezzjoni.