L-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech jista’ jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi fi ħdan il-Parlament wara li jiġu konklużi l-proċeduri kriminali kontrih.
Il-Kumitat kien qed jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt tal-Electrogas u talab lil Fenech jixhed.
Fenech kien direttur fil-konsorzju tal-Electrogas.
Qabel ħa l-ġurament, l-avukati ta’ Yorgen Fenech talbu biex ix-xhieda tiegħu tiġi sospiża sakemm il-proċeduri kriminali kontrih, jingħalqu.
Wara li ġiet sospiża s-seduta tal-laqgħa tal-Kumitat għal xi ħin, l-Avukati ta’ Fenech Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran ivverbalizzaw it-talba tagħhom għas-sospensjoni tax-xhieda billi kwotaw tliet rulings biex il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jaċċetta t-talba ta’ Yorgen Fenech.
Minnufih wara, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, aċċetta t-talba ta’ Yorgen Fenech.
Riżultat ta’ Fenech fil-Parlament, kien hemm sigurtà stretta fil-binja tal-Parlament u fil-madwar.