Fil-knisja ta’ Ġiezu fir-Rabat mijiet inġabru sabiex isellmu għall-aħħar darba lil Joseph Camilleri, magħruf bħala Zep.
Missier, Direttur, Attur u għalliem, li bil-mewt tiegħu ħasad lil dawk kollha li kienu jafuh.
Izda fost l-aktar imnikkta kien hemm qraba, martu, ħutu u tliet uliedu. Ilkoll imnikkita li tilfu fiz-zmien lill-għaziz tagħhom b’marda kiefra li ħakmitu erba xhur ilu.
Ibnu Jean-Luc, iddeskriva lil missieru bħala bniedem b’qalb kbira u dejjem jaħdem. Qal li tul ħajtu se jibqa’ jiftakar fil-memorji sbieħ li għandu ma’ missieru.
“Giving hafna, jagħti mingħajr ma jistenna xejn lura. Xogħol dejjem għamlu b’qalb u passjoni.” Stqarr ibnu.
Zep, li miet fl-għomor ta’ erba’ u sittin sena, kien qiegħed jippjana biex meta jirtira jkompli jagħmel dak li jħobb iġifieri jikteb u jagħmel xogħol teatrali.
Saħaq li l-mewt ta’ missieru kienet, “ħasda. Aċċetta xogħol sal-aħħar. Xtaq li meta jirtira jibqa’ jikteb u xogħlu se jgawduh ġenerazzjonijiet.”
Fi knisja mballata bin-nies, l-aktar dawk li jaħdmu fil-qasam teatrali sellmu liz-Zep. Jiftakru kemm ħadmu flimkien u kemm qasmu esperjenzi ma’ dan l-ikona u pilastru fit-teatru Malti.
Deskritt bħala bniedem li jħobb jgħin, dejjem ferħan u jemmen fil-kapaċitajiet ta’ kulħadd.
Fl-omelija tiegħu Dun Silvio Bezzina, sejjaħ il-quddiesa bħala ċelebrazzjoni tal-ħajja, għax Zep issa se jgħix mal-Mulej.
Sejjaħ lil Zep bħal mutur, ta’ entużjast u li dejjem jgħin lil min ikun fil-bzonn. Izda bniedem li kien jemmen fil-potenzjal ta’ kull persuna.
“Qed niċċelebraw il-ħajja ta’ bniedem li kien jagħrraf is-sabiħ u l-ħiliet tiegħu. Kien jaħdem id f id mal-mulej biex kulħadd jagħraf is-sabih tiegħu.” Stqarr is-saċerdot Silvio Bezzina.
Tul iċ-ċelebrazzjoni tal-quddies, żgħażagħ li tgħallmu mingħand Zep talbuh sabiex jibqa’ jħares lil atturi Maltin, u jibqa’ jitlob għalihom.