Art kbira agrikola fil-periferija tal-konfini taż-żona ta’ żvilupp fix-Xewkija, li matul is-snin ġiet ikkonvertita illegalment fi scrapyard qiegħda titnaddaf mill-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ operazzjoni ta’ azzjoni diretta li bdiet aktar kmieni dalgħodu.
Uffiċjali mid-Direttorat tal-Konformità u Infurzar tal-Awtorità, akkumpanjati minn membri tal-Korp tal-Pulizija, marru fuq il-post wara li persuna li tokkupa s-sit ġiet mwissija, f’diversi okkażjonijiet, biex timxi malistruzzjonijiet tal-avviżi tal-infurzar sabiex jitnaddaf is-sit.
L-iscrapyard illegali, li tkopri ’l fuq minn 25,000 metru kwadru ta’ art li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ħniena, hija soġġetta għal żewġ avviżi ta’ infurzar, li wieħed minnhom iġorr piena ta’ kuljum li laħqet l-ammont ta’ €50,000.
Matul is-snin, l-art agrikola nbidlet b’mod abbużiv fi scrapyard magħmula minn vetturi mkissrin u partijiet relatati. It-trakkijiet bil-materjal li nġabar bdew jinġarru u ser jiġu trasferiti f’faċilitajiet liċenzjati għallimmaniġġjar tal-iskart.
L-operazzjoni li qiegħda ssir mill-Awtorità ser tara li s-sit jitnaddaf għal kollox mill-materjal mormi illegalment, u li l-art tirritorna għall-istat oriġinali tagħha.
L-azzjoni diretta qiegħda titwettaq bi spejjeż kollha għal persuna li wettqet l-iżvilupp illegali. L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li vetturi dilapidati u skart ieħor simili għandhom jintremew biss b’mod responsabbli ġo faċilitajiet ta’ skart liċenzjati.