Il-Ħamis waranofsinhar il-board tal-Awtorità tal-Ippjanar talab lill-periti tal-proġett propost fil-parkeġġ tal-eks Trade Fair fin-Naxxar biex iċekknu l-proġett u jerġgħu jissotomettu l-pjanti mill-ġdid.
Il-board ħa din id-deċiżjoni hekk kif il-proġett masiċċ kien se jsir viċin il-konfini taż-żona ta’ konservazzjoni urbana. Il-proġett oriġinali kien mistenni jikkonsistni mill-bini ta’ żewġ sulari ta’ parkeġġ u garaxxijiet taħt l-art, supermarket, gym, flimkien ma numru ta’ uffiċini, ħwienet, ċentru tal-ħarsien tat-tfal u 113-il appartament. Il-bini kien se jkun imqassam fuq għaxar sulari.
Dan il-proġett ġab id-diżapprovazzjoni ta’ diversi entitajiet u residenti tal-madwar fosthom is-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar f’isem ir-residenti tal-madwar.
Il-membri tal-board spjegaw li ma ridux li jinħoloq preċedent u li l-iżvilupp irid ikun jirrispetta l-akwati tal-madwar. Victor Axiak mill-ERA spjega li l-proġett propost għandu estetika sabiħa madankollu ġie propost fil-post il-ħażin.
L-iżviluppatur Jean Borg sostna li fiż-żona jista’ jsir l-iżvilupp u setgħet ukoll tinbena fi tletin plot differenti li fih jista’ jiddaħħlu ħames appartamenti. B’dan l-argument Borg sostna li l-Board tal-Awtorità kellu żewġ għażliet, jew japprovawha, inkella jirrifjutaha u joħloq preċedent li tista toħloq żona li tidher qisha housing estate tal-Gvern.