Applikazzjoni kontroversjali biex ġnien barokk ta’ erba’ mitt sena fil-Pietà jinbidel f’lukanda ta’ għaxar sulari, ġiet irrifjutata mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Waqt laqgħa tal-bord kien spjegat li l-proġett ried jittieħed fil-kuntest kollu ta’ Gwardamangia, u fil-fatt il-membri tal-bord urew tħassib fuq l-iżvilupp u l-iskala massiċċa tal-proġett.
Dawk favur l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ lukanda ta’ erba’ stilel b’mija u tmintax-il kamra argumentaw li l-investiment itejjeb in-negozju għall-komunità fl-inħawi.
Barraminnhekk, il-ġonna u partijiet tal-faċċata tas-sit kienu se jiġi restawrati skont il-pjanijiet tal-applikazzjoni.
Iżda l-membri tal-bord urew tħassib dwar l-għoli tal-lukanda u l-impatt fuq il-wirt kulturali tal-madwar, fl-istess waqt li rrikonoxxew il-possibilità ta’ żieda fit-traffiku.
L-organizzazzjoni mhux governattiva Din l-Art Ħelwa qalet li l-lokalità tal-Pietà jixirqilha aħjar u tenniet l-impenn li taħdem mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi mfassal masterplan li jirreġenera ż-żona tal-madwar fl-istess waqt li jiġi integrat u preservat il-wirt kulturali tal-inħawi.
Fuq Twitter, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Josè Herrera, bi pjaċir innota li l-iżvilupp propost ġie rrifjutat u li l-ġnien storiku qiegħed hemm biex jibqa’. Huwa awgura lir-rappreżentanti ta’ Villa Frere u Heritage Malta tal-każ b’saħħtu li kellhom.
The iconic #GiardinoZamittelo is there to stay!👍 I am pleased to be informed that the proposed development has been unanimously refused. 👏 Friends of Villa Frere & @heritagemalta for making a strong case! pic.twitter.com/TtNRRcbl0C
— José Herrera (@JoseHerreraMP) January 30, 2020