Iż-żona f’Ħondoq ir-Rummien inkluż fejn hemm barriera qadima, u li ħalliet marka kera fil-pajsaġġ pittoresk tal-Qala, qed tiġi proposta li tiġi mħarsa mill-iżvilupp u allokata għall-afforestazzjoni.
Ħabbret dan fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar, fl-istess ħin li ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika policy ta’ ppjanar riveduta għaż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, liema policy se tipprojbixxi kull forma ta’ żvilupp.
Iż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, li hija waħda mill-aktar żoni pittoreski u verġni tal-gżira Maltija, li għandha veduti ta’ Kemmuna u l-Kanal tal-Fliegu, ilha taħt ‘theddida’ kontinwa biex tiġi żviluppata.
Sa mill-2002, kienet tressqet applikazzjoni għall-bini ta’ port u lukanda ta’ 195 kamra, yacht marina għal 200 jott u villaġġ turistiku għal 300 appartament.
Il-PA qalet li proposti għal proġett ta’ afforestazzjoni fiż-żona għandhom jinkorporaw karatteristiċi li jgħinu biex jattiraw ambjent selvaġġ u naturali kif ukoll il-ħolqien mill-ġdid tal-ħabitat.
L-Awtorità qalet li monokulturi agrikoli m’għandhomx ikunu aċċettabbli u li fejn possibbli, l-proġetti ta’ afforestazzjoni għandhom jinkludu rotot biex imexxu l-fluss ta’ viżitaturi pedonali fiż-żona. Iż-żona mhux se tkun aċċessibbli għat-traffiku tal-vetturi.
Il-policy proposta teskludi wkoll kwalunkwe faċilitajiet ta’ bajja addizzjonali, faċilitajiet kummerċjali ġodda jew l-intensifikazzjoni ta’ kwalunkwe użu kummerċjali eżistenti.
Intqal kif għandhom jiġu kkunsidrati proposti għat-titjib tal-moll u l-islipway eżistenti sakemm l-interventi għandhom ikunu limitati prinċipalment biex jiġi rranġat dak li diġa hemm. L-Awtorità tal-Ippjanar qed tfittex ukoll ir-riabilitazzjoni kostali fit-tarf tal-Lvant taż-żona.
Iż-żona tal-għawm qed tkun riservata esklussivament għall-għawm u mhux se jkunu permessi attivitajiet oħra. Dan filwaqt li l-ebda forma ta’ faċilitajiet ta’ rmiġġ permanenti u/jew temporanji għal divertiment jew rikreazzjoni ma tkun permessa fiż-żona tal-baħar qrib iż-żona tal-għawm u l-linja tal-kosta.
Ta’ min ifakkar li fl-2006, meta Gvern Nazzjonalista permezz tal-eks Ministru għall-Ambjent George Pullicino kien biddel il-Pjan Lokali biex fuq art verġni f’Ħondoq seta’ jsir żvilupp għal skop turistiku u marittimu, f’dik l-istess sena l-Kunsill Lokali tal-Qala mmexxi b’maġġoranza Nazzjonalista kien argumenta favur l-iżvilupp f’Ħondoq.
Kien is-Sindku Laburista Paul Buttigieg li għamel iżjed minn 20 sena jiġġieled b’mod konsistenti kontra l-iżvilupp f’Ħondoq. Din tal-aħħar kienet u baqgħet il-pożizzjoni konsistenti tal-Partit Laburista li dejjem argumenta favur Ħondoq ħieles u issa Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed jimplimenta miżura tal-manifest ‘Malta Flimkien’ biex f’Ħondoq ma jsirx żvilupp u allura qed ireġġa’ deċiżjoni li qatt ma kellha tittieħed favur Ħondoq.
Sadanittant, l-Emendi proposti fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna flimkien mas-sottomissjonijiet riċevuti matul l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni pubblika jinsabu disponnibli fuq il-websajt tal-Awtorità www.pa.org.mt/consultation. (grafika)
Il-Awtorità tistieden individwi u organizzazzjonijiet biex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom relatati ma’ dawn l-emendi permezz tal-indirizz elettroniku: consultation-hondoq@pa.org.mt. (grafika)
Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Marzu 2024.