L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-proġett ta’ bini għoli (high rise) propost għas-sit tal-eks Jerma f’Marsaskala mhuwiex aċċettabbli.
“Non-starter,” kien il-kliem li użat l-awtorità meta fi stqarrija ħabbret li se tkun qed tinforma b’dan lill-applikant permezz ta’ dik magħrufa bħala screening letter.
Intqal li għalkemm fl-aħħar xhur l-awtorità kellha diversi laqgħat mal-iżviluppatur u indikat li l-proġett kif propost ma kienx aċċettabbli, dan xorta waħda baqa’ għaddej bil-proposta oriġinali.
Il-proġett propost jinkludi żewġ torrijiet residenzjali u torri li fih issir lukanda. Dan fuq is-sit preżenti u art reklamata. Ftit tal-ġimgħat ilu l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar fuq is-sit tal-Jerma minħabba l-mod kif tħalla jintelaq u saħansitra jsir ta’ periklu.