Għada l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) mistennija tieħu d-deċiżjoni dwar il-bini tal-pjazza l-ġdida f’Raħal Ġdid. Dan ħabbru ċ-Ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis, waqt attività politika f’Birkirkara.
Parnis kien qed jitkellem dwar kif is-sentiment ġenerali tan-nies li jitkellem magħhom, huwa li l-Gvern tassew qed jagħti prijorità lin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Hawnhekk tkellem dwar l-American University of Malta, li aktar kmieni din il-ġimgħa kienet akkreditata bħala Università, wara proċess dettaljat li sab li l-proġett tal-investituri privati jissodisfa r-rekwiżita kollha.
Din l-università, li se tilqa’ mal-4,600 student, se jkollha aktar minn 270 akkademiku; f’ħames fakultajiet.
Silvio Parnis irrefera wkoll għall-permess li ħareġ aktar kmieni għall-NGO Hub f’Marsaxlokk, u kif ukoll ġie approvat proġett ta’ disgħa u tletin miljun ewro biex issir il-Junction fil-Marsa.
Huwa semma wkoll lokalitajiet bħaż-Żurrieq, li qal li jemmen li għandhom potenzjal qawwi għat-turiżmu.
Dan kollu fi sfond t’Oppożizzjoni li ma tagħmel xejn ħlief tikkritika u tkun negattiva, temm jgħid Silvio Parnis.