Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni fejn intallab permess ta’ żvilupp għal numru ta’ strutturi illegali fuq barra tul il-perimetru tal-bini storiku, magħruf bħala il-Fortizza, fix-Xatt f’Tas-Sliema.
Fi stqrrija mill-Awtorità tal-Ippjanar ġie nnutat li l-istrutturi illegali li hemm bħalissa, kif ukoll iż-żieda proposta ta’ żona akbar għall-imwejjed tal-ikel qed ibiddlu d-dehra ta’ barra ta’ dan il-bini protett ta’ Grad 1 u jonqoslu l-valur storiku tiegħu.
Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li dak li qed jiġi propost flimkien mal-illegalitajiet eżistenti fuq il-post, joħloq diżordni u jmur kontra l-politika għal din iż-żona li tippermetti biss estensjonijiet żgħar u konsolidazzjoni tal-binjiet eżistenti.