Hekk kif fix-xhur tas-sajf diversi xogħlijiet fuq barra tas-siti tal-kostruzzjoni jkollhom jieqfu, ix-xogħol fuq ġewwa tal-bini ma jieqafx.
Iż-żoni turistiċi huma l-aktar żoni li qed jaraw żvilupp u għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Building Regulation Office ta’ kull xahar qed jagħmlu mijiet ta’ spezzjonijiet sabiex jassiguraw li s-siti tal-kostruzzjoni jkunu konformi mal-liġijiet.
Fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju biss saru aktar minn mija u sittin spezzjoni fil-Gżira, San Ġiljan u Ta’ Sliema. Minn dawn f’disgħa u disgħin instabu xi irregolaritajiet.
LOKALITÀ | GŻIRA | SAN ĠILJAN | SLIEMA | TOTAL |
SITI SPEZZJONATI | 64 | 61 | 43 | 168 |
SITI RREGOLARI | 40 | 41 | 18 | 99 |
Flimkien ma’ żewġ uffiċjali tal-infurzar, crew ta’ ONE News qatta’ nofstanhar iterraq it-toroq tal-Gżira sabiex segwa mill-qrib kif isiru dawn l-ispezzjonijiet.
L-ewwel ħaġa li ssir mill-uffiċjali tal-infurzar huwa li jassiguraw ruħhom li ma’ kull sit ikun hemm notifika tax-xogħlijiet u l-permessi kollha mwaħħla f’post prominenti.
L-aperturi ta’ kull sit tal-kostruzzjoni għandhom ikunu magħluqin permezz ta’ xibka jew bl-injam sabiex waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet fuq ġewwa ma joħroġx trab il-barra. Dawn iwaqqfu wkoll persuni milli jidħlu fis-sit.
Il-bankini ma jistgħux jiġu ostakolati u l-passaġġ għandu dejjem jitħalla liberu u sigur. Xogħlijiet matul il-jum tal-Ħadd ma jistgħux isiru u bl-ebda mod ma tista’ ssir ħsara fuq propjetajiet oħra li jinsabu biswit is-sit.
Meta jkun hemm xi ksur ta’ dawn il-liġijiet, il-persuna responsabbli mis-sit tiġi kkuntattjata u tinagħta ħmistax-il ġurnata sabiex tiregolarizza ruħha.
Jekk ix-xogħiljiet jibqgħu ma jsirux is-sit jingħalaq mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-ebda ħaddiem ma jitħalla jidħol jaħdem u dawk li jkunu għaddejjin fuq xogħol fis-sit jinħarġu l-barra.
Mill-ispezzjonijiet li jsiru l-aktar irregolaritajiet komuni huma aperturi miftuħin u bankini ostakolati jew imkissra.
Fi tliet lokalitajiet biss ġew innutati disgħa u ħamsin sit b’aperturi miftuħin u erbgħa u erbgħin bankina ostakolata jew imkissra.
LOKALITÀ | GŻIRA | SAN ĠILJAN | SLIEMA | TOTAL |
SIT MHUX MAGĦLUQ | 6 | 11 | 7 | 24 |
APERTURI MIFTUĦIN | 27 | 22 | 10 | 59 |
BANKINI OSTAKOLATI | 12 | 24 | 8 | 44 |
XOGĦOL IL-ĦADD | 0 | 1 | 0 | 1 |
ĦSARAT FI PROPJETÀ | 5 | 5 | 1 | 11 |