L-Iskola ta’ San Anton fl-Imġarr u l-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun se jsiru ambjentalment aktar ekoloġiċi u aċċessibbli għall-komunità, wara li l-Awtorità tal-Ippjanar qablet li tiffinanzja, permezz tad-Development Planning Fund (DPF), żona
edukattiva u roof garden rispettivament.
Il-Perit Raymond Farrugia, Chairperson tad-Development Planning Fund fi ħdan l-Awtorità, qal li “huwa b’sodisfazzjon kbir li qed niffinanzjaw dawn iż-żewġ proġetti ambjentali ta’ ċirka €415,000.
Dawn il-proġetti mhux biss huma ta’ benefiċċju għallistudenti li jattendu dawn iż-żewġt iskejjel iżda dawn iż-żoni ħodor ġodda se jkunu disponibbli għall-komunità usa’, wara l-ħin tal-iskola. Nittamaw li dawn il-proġetti jħeġġu istituzzjonijiet edukattivi simili oħra biex iħarsu lejn opportunitajiet biex l-ispazji li ma jintużawx biżżejjed jinbidlu f’żoni naturali.”
L-Iskola San Anton qed tittrasforma żona ta’ 5,000m² biswit l-iskola fi spazju ta’ tagħlim tan-natura, li joffri lill-istudenti esperjenza hands-on mal-ambjent.
Fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, magħruf aħjar bħala l-Liceo, żona fuq is-saqaf mhux użat ta’ 1,280m² se tinbidel fi ġnien ġdid.