• Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mħeġġa jaqilbu għall-gass
Il-Parlament Ewropew ivvota favur rapport fuq l-Istrateġija Ewropea dwar l-LNG u faċilitajiet ta’ ħażna tal-gass. Din hija strateġija proposta mill-Kummissjoni Eworpea, li tħeġġeġ l-użu ta’ dan is-sors ta’ enerġija fl-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport tal-Kumitat tal-enerġija, l-industrija u r-riċerka tal-Parlament Ewropew laqa’ l-istrateġija tal-Kummissjoni, fejn intqal li jemmen li suq tal-enerġija li jintegra LNG u ħażna tal-gass għandu rwol sinifikanti biex ikun hemm Unjoni tal-Enerġija reżiljenti, sostenibbli, sigura u kompetittiva.
Għaldaqstant ir-rapport stqarr li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha strateġija li tiżgura li l-LNG huwa aċċessibbli f’ livell reġjonali madwar l-Ewropea kollha.
Hawn jissemma’ l-importanza li stati membri li għandhom aċċess għall-baħar jikkoperaw ma’ stati li m’għandhomx, biex flimkien jaslu għal proġetti ta’ faċilitajiet tal-ħażna tal-enerġija, l-użu tal-LNG u interconnectors.
Il-Kumitat Ewropew irrikonoxxa l-potenzjal tal-LNG bħala sors t’ enerġija alternattiva ukoll għall-użu ta’ trasport marittimu u fit-toroq u li dan is-sors iniġġes inqas u li jista’ jgħin lill-Unjoni Ewropea tilħaq il-miri ta’ tnaqqis ta’ tniġġis fl-arja.
Ir-rapport aċċenna li huwa kruċjali li l-LNG jintuża bħala alternattiva għal mezzi oħra ta’ distribuzzjoni ta’ gass li jiswew ħafna minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ Stat u hawnhekk l-installazzjoni ta’ LNG tankers żgħar kienu deskritti bħala l-aħjar infrastruttura biex jiżdied l-użu ta’ gass naturali f’ żoni li qabel ma kienx jaqbillhom jużaw il-gass minħabba l-ispejjeż.
Il-Kumitat saħansitra ħeġġeġ il-kummissjoni u l-Istati Membri biex jimplimentaw proġetti li huma t’ interess komuni għar-reġun u fakkar li huwa indispensibbli li l-bini ta’ terminal tal-LNG jkun miżżewweġ mal-infrastruttura ta’ pipeline ukoll. Dan huwa eku tal-pjan tal-enerġija tal-gvern Malti.
Pajjiżna ssemma’ b’mod speċifiku meta ntqal li l-Unjoni Ewropea għandha toffri kull appoġġ lill-Stati vulnerabbli, bħal Malta u Ċipru, biex niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħna fejn kien irrimarkat ukoll li l-LNG huwa essenzjali biex ma nibqgħux iżolati u maqtugħin min-network tal-enerġija Ewropea.
Ir-rapport jagħmel referenza għall-Opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin li emfasizza li l-LNG u faċilitajiet ta’ ħażna tal-gass huma ta’ importanza partikolari biex Stat ma jkunx dipendenti fuq fornitur wieħed għall-enerġija ta’ pajjiż sħiħ.
Filwaqt li l-Opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tirrimarka dwar il-prospetti ta’ espanzjoni ta’ madwar 50% tal-provvista tal-LNG fis-snin li ġejjin, u b’hekk jista’ jkompli jorħos il-prezz tal-enerġija. Għaldaqstant dan il-Kumitat ukoll ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tieħu l-opportunita u tħeġġeġ iktar Stati Membri jaqilbu għall-gass.