Diversi suċċessi mużikali tal-grupp Queen bħal ‘Bohemian Rhapsody’, ‘I Want It All’ u ‘We are the Champions’, fost l-oħrajn, kienu l-attrazzjoni principali waqt kunċert mużikali li sar f’San Ġwann ftit jiem ilu.
It-Tribute Band tal-Queen ġibdet udjenza numeruża ta’ etajiet differenti, kemm Maltin kif ukoll turisti. Dawk preżenti tpaxxew bil-mużika stupenda li kien tana l-mibki Freddie Mercury, li għalkemm ħalliena fl-24 ta’ Novembru tal-1991, il-mużika tiegħu tibqa’ ħajja u ma tmut qatt.
Is-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, qal li l-Kunsill Lokali ħaseb biex jorganizza kunċert proprju bi Tribute Band tal-Queen minħabba l-popolarità kbira li għad għandha l-mużika tal-Queen f’pajjiżna.
Huwa qal, “Il-Queen huma popolari fost il-Maltin. Wara l-pandemija xtaqna noħolqu xi ħaġa eċċezzjonali wara s-sagrifiċċju kollu li għamel il-poplu Malti, speċjalment dawk residenti f’San Ġwann.”
Mro. Joseph Chircop, li huwa Surmast tal-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann, qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar għaliex il-mużika tal-grupp Queen ma tmut qatt.
Huwa spjega, “Il-Queen naħseb li m’hawn ħadd li qatt ma sema’ bihom. Kienu leġġenda. Kellek lil Freddie Mercury, uniku, difficli biex issib kantant li jirriplejsjah, għakemm illum għandek lil Adam Lambert. Pero, ovvjament, kienu kapaċi illi jagħmlu mixture ta’ mużika kif ukoll kienu kapaċi jgħaqqdu l-klassiku mal-pop.”
Ix-xandar u mużiċist John Bundy, huwa konvint li l-bands taż-żmien meta kienu fl-aqwa tagħhom il-Queen kellhom xi ħaġa partikolari li ħalllet effett fuq kull min iħobb il-mużika.
Tenna, “Indubbjament, il-pinna tal-mużika li nkitbet mill-pinna ta’ Freddie Mercury, Brian May u anki Taylor, il-Queen m’hemmx x’wieħed iżid magħha, jibqgħu magħrufin u popolari għaliex huma leġġenda bħal ma kienu l-Beatles u r-Rolling Stones u bands oħrajn. Il-bands ta’ dak iż-żmien kellhom xi ħaġa partikolari li ħalliet effett fuq kull min iħobb il-mużika.”