Is-sitar huwa instrument mużikali li f’Malta ftit li xejn nisimgħu mużika li tindaqq minnu, pjuttost ftit li xejn issib Maltin li jafu jdoqquh. B’kurżità fittixt dwar dan l-instrument biex insir naf aktar u fost ir-riċerka li għamilt, sirt naf b’Anthony Curmi, magħruf ukoll bħala Toni s-Sitar. Ilu jdoqq is-sitar għal żmien mhux ħażin. Tlabtu biex nagħmillu intervista sabiex insiru nafu aktar dwaru bħala mużiċist u bħala persuna li ddoqq b’kunfidenza sħiħa s-sitar.
Fl-Indja s-sitar huwa meqjus bħala instrument sagru. Il-maġġor parti tan-nies jemmnu li min ikun qed idoqq jew jisma’ n-noti ħerġin minn dan l-instrument ikun jista’ jilħaq stat ta’ komunikazzjoni mal-allat, l-univers jew in-natura. Il-ħoss tiegħu jwassal sabiex il-bniedem jimmedita u jirrilassa.
Huwa fil-fatt ippruvat xjentifikament li hemm tipi ta’ mużika jew ħsejjes jgħinu fit-tkabbir ta’ ċerti fjuri u pjanti, li huma parti minn natura. Il-ħoss tas-sitar jaqa’ taħt din il-kategorija u għaldaqstant jintuża wkoll għall-fejqan ta’ ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa tal-bniedem.
Anthony ġej mill-familja artistika ta’ Curmi tal-Belt Valletta, miżżewweġ lil Victoria u jadura lit-tifla tagħhom Amy. Joqgħod San Ġwann u għandu 46 sena. Jaħdem ġo ħanut tal-mużika, u jispeċjaliżża fil-kitarri u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ din is-sezzjoni. L-unika passatemp li baqagħlu ftit ħin għalih huwa l-passjoni li għandu lejn it-tim tal-futbol tal-Inter. Il-bqijja tal-ħin li jibqagħlu jiddedikah għall-familja u l-mużika biss.
Inġibed lejn mużika Indjana
Anthony ilu jdoqq is-sitar għal madwar sitt snin. Wara bosta snin idoqq il-kitarra fix-xena hard rock mal-Band Blade u A Day Too Late, ħass il-bżonn ta’ bidla. “Bdejt nisma’ mużika totalment differenti fil-ġeneru ta’ chillout u world music u l-mużika Indjana laqtitni wisq. Fost l-instrumenti sbieħ li jużaw, il-ħoss tas-sitar laqatni wisq u b’determinazzjoni u b’kuraġġ kbir dħaltilha.
L-unika konnessjoni bejn il-kitarra u s-sitar hija li huma strumenti tal-kordi. Il-bqija huma żewġ strumenti totalment differenti. Ħallejt f’idejh sabiex jelabora aktar. “Fuq kitarra, wieħed jista’ jdoqq fuq kwalunkwe ċavetta mużikali, mentri fuq is-sitar trid tagħżel bejn C, C Sharp jew D. Il-kitarra fiha sitt kordi u s-sitar fih għoxrin. Barra minn hekk hemm ukoll il-ħoss li huwa differenti u anki l-istil ta’ kif jindaqqu. Fuq il-kitarra tista’ tagħmel kull tip ta’ melodija u armonija, filwaqt li fuq is-sitar melodija biss. Fi kliem ieħor fuq is-sitar jindaqqu noti singulari biss u ma tagħmilx sett ta’ noti li jindaqqu f’daqqa. Il-kitarra hija magħmula kważi totalment mill-injam filwaqt li s-sitar hu magħmul mill-injam, qargħa ħamra u għadam jew sostitut simili. L-għonq tal-kitarra huwa kompletament solidu, dak tas-sitar kompletament vojt minn ġewwa. Is-sitar huwa ħafna ikbar mid-daqs ukoll u bejn wieħed u ieħor fih madwar 1.2 metru,” fissirli Anthony.
“Diġà tkellimna fuq il-materjali u l-istruttura tiegħu, li hija parti integrali tal-ħoss uniku tiegħu, iżda l-aktar parti kruċjali ta’ dan il-ħoss uniku ġej mill-pont wiesa’ u l-anglu li dan għandu mal-kordi. Minn hemm tiġi dik iż-żarżira tipika, u dan flimkien ma’ ħdax jew tlettax-il korda reżonanti li jinstabu taħt is-seba’ kordi prinċipali li flimkien joħolqu l-ħoss tas-sitar. Jindaqq bi plettru magħmul mill-firdiferru iebes, il-miżrab. Dan huwa pjuttost skomdu minħabba l-pożizzjoni ta’ kif jindaqq. Hemm ukoll żewġ kordi ddedikati biss għat-temp tar-ritmu li huma ċ-chikari. Is-sigriet fid-daqq tiegħu huwa fil-mod kif wieħed jgħawweġ u jżejjen in-noti. Huwa strument pjuttost uniku u diffiċli u fit-tradizzjoni Indjana, wieħed kien jinqafel mall-għalliem tiegħu (il-Ġuru – dak li jurik id-dawl) u jgħix ġo daru għal madwar tmien snin ta’ tagħlim intensiv, maqtugħ mid-dinja u ’l bogħod mill-qraba u l-ħbieb. Ovvjament wieħed irid jammira kemm hemm x’titgħallem u llum il-ġurnata jien tlaqt kollox u ddedikajt ruħi għal dan l-istrument biss”, kompla jgħidli dwar is-sitar.
Is-sitar qed iżid il-popolarità tiegħu speċjalment mas-semmiegħa, iżda għadu strument pjuttost rari biex jindaqq hawn Malta. Minn informazzjoni li għaddieli Anthony stess, f’Malta hawn xi tmien persuni biss li għandhom is-sitar u jdoqquh, iżda dawk li ħaduh jew qed jieħduh bis-serjetà huma biss nofshom. “Meta nikkumparaw dawn in-numri ma’ pajjiżi oħra bdejna tard ħafna u għadna lura”, sostna Anthony.
Tgħallem idoqq is-sitar totalment waħdu
B’kurżità fuqi, ridt inkun naf kif irnexxielu jitgħallem idoqq is-sitar. “Għamilt riċerka intensiva fuq l-internet, il-ħin kollu nisma’ s-sitar u l-mużika klassika Indjana, nistudja l-movimenti tal-mużiċisti u nipprattika għal ħinijiet twal. Kull fejn inkun infittex kotba u informazzjoni, naqra u nistudja. Imma dan kollu waħdi, jien u l-istrument u hemm rispett reċiproku kbir bejni u s-sitar. Ili ndoqq diversi strumenti bħall-kitarra, didjeridoo u percission għal bosta snin, u żviluppajt widna intunata. Għaldaqstant din kienet ta’ għajnuna kbira,” sostna miegħi.
Minn din l-intervista ma’ Anthony, skoprejt li meta wieħed jara s-sitar mill-viċin jibqa’ mbellah, dilettant jew le. Huwa kbir u goff, iżda fl-istess ħin fragli ħafna u ħafif, qisu bajda.
“Trid tqatta’ ħafna xhur sakemm tieħu l-kunfidenza sew miegħu, u kif diġà spjegajt hemm ħafna elementi ta’ uġigħ fiżiku u stamina involuti. Dan ovvjament jindera biż-żmien. Is-sitar għandu bżonn kaxxa solida tal-fibra biex jinġarr, u saħansitra kelli nixtri karozza speċifika biex niffaċilità l-ġarr tiegħu. Meta jkolli nsiefer bih inkun imwerwer li se jinkiser, iżda s’issa kollox mar sew,” tbissem jgħidli Anthony.
Ta’ min jgħid li Anthony huwa membru tal-band lokali Cushion. Fil-fatt il-proġett Cushion bdieh flimkien ma’ Noel Scerri f’Ottubru tas-sena 2010. “Noel hu pjanista u l-irwol tiegħu hu li jieħu ħsieb il-ħsejjes elettroniċi ta’ Cushion. Fil-bidu konna nużaw keyboards, percussion u didjeridoo, u ftit sitar biss. Eventwalment dawwarna l-proġett u issa huwa ffukat fuq is-sitar u mużika Indjana fusion. Bdejna nżidu l-mużiċisti naqra naqra skont il-bżonnijiet, sakemm illum għandna lil Reine Kabban bħala kantanta, Dwayne Cassar fuq il-bass, Alexein Grech fuq id-drums, u jien u Noel ovvjament. L-istil li ndoqqu huwa wieħed interessanti ħafna, u qed jintgħoġob minn varjetà kbira ta’ nies minn kull qasam u etajiet differenti. Cushion qed jikber b’mod sabiħ, u diġà daqqejna barra minn xtutna, fejn qabbadna l-Manager Arda Baykurt li qed jiffoka fuq l-affarjiet barranin. Bħalissa qed inħejju album u vidjow taħt kuntratt ma’ Mireielle Music Scirocco Line. Dan is-sajf wieħed jista’ jarana nagħtu wirjiet f’bosta attivitajiet u festivals, fosthom fl-Għanafest, fl-10 ta’ Ġunju. Il-festival ikompli s-Sibt u l-Ħadd”.
Nista’ ngħid li minn mużiċista jispeċjalizza fuq mużika rock, issa Anthony intefa’ b’ruħu u b’ġismu jddoq is-sitar. “Għaddejt minn mument partikolari, fejn kollox kien sejjer ħażin u rikibni l-istress. Ingħalaqt fija nnifsi, u għamilt studju ta’ ħajti. Erġajt sibt lili nnifsi, biddilt il-filosofija ta’ ħajti u kif ngħixha. Fost dawn il-kambjamenti bdejt nisma’ wkoll ħafna ċ-chillout, u nġbidt lejn il-mużika Indjana u s-sitar. Wieħed jinduna li s-sitar għalija mhux sempliċiment strument tal-mużika biss, imma ħafna aktar. Issa sar parti minni, jien u s-sitar ħaġa waħda,” stqarr miegħi.
Bis-sitar s’issa darba daqq barra minn xtutna, f’Ċipru ma’ Cushion, fejn kienet esperjenza sabiħa ħafna. Ikkonfermali wkoll li diġà hemm kuntatti promettenti għal aktar vjaġġi flimkien.
Fl-aħħar nett, għal dawk li qed jitħajru jitgħallmu jdoqqu s-sitar, Anthony issuġġerixxa lil min għadu żgħir jew pjottost liberu, vjaġġ twil fl-Indja! Min ma jistax, irid jkun lest għal relazzjoni ta’ dan it-tip, kif spjegajt tul din l-intervista. Tgħallimt ħafna, iżda baqagħli daqstant x’nitgħallem. Ir-relazzjoni tiegħi mas-sitar hija intima wisq, u ma nħossnix denju li ngħallem. F’Malta sfortunatament m’hawnx min jgħallmu. Użaw l-ispirtu tagħkom u isimgħuh kemm tifilħu.