Sitt siti storiċi ta’ Heritage Malta se jerggħu jinfetħu għall-pubbliku minn nhar is-Sibt li ġej. Dawn huma :
• Il-Forti Sant’ Iermu;
• Il-Forti Sant’ Anġlu;
• Ħaġar Qim u l-Imnajdra;
• It-Tempji ta’ Ħal Tarxien;
• Il-Ġgantija, u
• Il-Mużew Nazzjoali tal-Arkeoloġija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, propju f’wieħed minn dawn is-siti, intqal kif dawn se jinfetħu kull nhar ta’ Sibt u Ħadd bejn l-10:00 am u l-5:00 pm, bi dħul mingħajr ħlas.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Noel Zammit, qal li tul iż-żmien li s-siti kienu magħluqa saret ħidma biex jinżammu ndaf u protetti.
Kull sit se jsegwi l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa biex titħares is-saħħa pubblika, bħall-użu tal-maskri u sanitizers fuq il-post.
Fl-istess ħin il-mużewijiet se jkunu aktar kawti mis-soltu dwar kemm se jitħallew jidħlu viżitaturi fl-istess ħin fis-siti, skont id-daqs tal-post. Filfatt Zammit spjega kif “kull mużew għandu d-dinja tiegħu, kemm f’esperjenza kif ukoll ta’ aċċess. Hemm mużewijiet li se jieħdu 50 ruħ u oħrajn sa’ 60 ruħ, imma se jkollna nies minn tagħna mħarrġa fuq il-post biex jirreaġixxu meta jkollna n-nies iżuruna”.