“Nittamaw li min jiġi f’dan il-mużew ma jsibx mużew. Ma jsibx mużew tradizzjonali imma jsib xi ħaġa differenti.”
Kien b’dan il-mod li l-kuratur tal-MUŻA Sandro Debono ddeskriva l-Mużew il-ġdid tal-Arti meta kienu għaddejjin preparamenti bla waqfien biex is-Sibt filgħaxija nfetaħ il-MUŻA – li huwa tliet darbiet akbar mill-mużew tal-arti li kien hemm qabel u li għalaq il-bibien tiegħu sentejn ilu.
F’dan il-mużew – li se jkun wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin fil-kapitali Ewropea għall-Kultura, hemm xogħolijiet t’artisti lokali bħal Ġużeppi Cali iżda anki dawk barranin bħal Michenlagelo Merisi da Caravaggio u Mattia Preti.
Fuq kollox f’dan il-mużew tassew interattiv, wieħed jista’ japprezza l-kapolavuri tal-iskulturi Maltin Melchiorre Gafà u Antonio Sciortino.
Konxji mill-fatt li l-binja fejn illum hemm il-MUŻA għandha storja li tmur lura għal żmien il-Kavallieri – meta kienet il-berġa tal-Italja u li gawdiet mid-dekorazzjonijiet barroki, ferm wara ż-żmien tal-arkitett Malti Ġlormu Cassar, staqsejna lill-kuratur dwar il-ħidma li saret biex din il-binja inbidlet f’mużew li għandu jsaħħar lil dawk li jżuruh.
“Il-ħidma li saret f’din il-binja kienet intensiva ħafna. Ma kelliex taqsam mar-restawr biss tal-binja, li kien proġett kumpless fih innifsu, imma wkoll ix-xogħol tat-tħejjijiet biex din il-binja tkun tista’ tilqa’ l-mużew. Fosthom ix-xogħol tal-injam li hawn, ix-xogħol tal-preżentazzjoni u fl-aħħar ovvjament il-kollezzjoni kif inhija esebita hawn hekk.”
Il-biċċiet tal-arti se jkunu mqassma f’erba’ temi preżentati f’dimensjonijiet mill-aktar interessanti fosthom il-Mediterran u l-istorja li għaddiet minnha Malta.
Il-kuratur ta’ dan il-mużew ġdid fjamant spjega li fil-MUŻA se jkun hemm post għal esebizzjonijiet temporanji biex jiġi assigurat il-ġejjieni tal-artisti anki dawk moderni.
“Sfidi kien hemm diversi, il-proġett huwa kumpless ħafna. Ovvjament ix-xogħol ta’ entitajiet differenti, ta’ nies differenti ried jingħaqad f’daqqa. U hemm hekk kien hemm l-akbar sfida biex dan kollu jiġi flimkien biex joħloq esperjenza mill-isbaħ.”