Il-mutur li bih tilef ħajtu Chris Marlin ta’ 50 sena lbieraħ f’Ħal Tarxien, kien sewa’ l-ħajja ta’ sewwieq ieħor għaxar snin ilu.
L-istess mutur kien qed jinstaq minn Adrian Borg ta’ 32 sena għaxar snin ilu, f’jum li wkoll inzerta kien il-Ħadd. L-inċident kien seħħ fit-telgħa ta’ bejn Burmarrad u l-Mosta f’Marzu tal-2007.
L-inċident li ħasas il-ħajja ta’ Marlin seħħ mat-tokki ta’ nofsillejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda, meta r-raġel x’aktarx tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Kawasaki li kien qed isuq fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Ħal Tarxien, u ħabat mar-roundabout magħrufa tax-Xintill.
Fi stqarrija tal-Pulizija ntqal li malli daħal ir-rapport, issejjaħ tim mediku biex jassisti lill-vittma, iżda sfortunatament miet mad-daqqa u t-tobba ċċertifikawh mejjet fuq il-post.
Hekk kif bdiet tidwi l-aħbar tal-inċident fatali l-Ħadd filgħodu, dawk l-aktar qrib Marlin dlonk bdew iħallu messaġġi ta’ sogħba fuq il-profil tiegħu fuq Facebook. Ħbieb, kollegi, u ġirien, ilkoll ixxukjati bl-aħbar, kitbulu kemm kien bniedem li jġib tbissima fuq fomm kulħadd.
Ħabiba tiegħu kitbitlu li bħalma f’ħajtu kien iħalliha bla kliem bl-azzjonijiet twajba li kien jagħmel, issa ħalliha bla kliem għax ħalla din id-dinja.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, u l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.